Lokali

Issa anke s-survey ta’ Marmara jikkonferma li l-Labour tilef il-maġġoranza assoluta li kellu

Id-differenza fit-trust rating bejn il-mexxejja issa kważi naqset bin-nofs

Il-Professur Vincent Marmara ppubblika stħarriġ li sar minnu, u li jikkonferma li l-Partit Laburista m’għadux igawdi l-maġġoranza assoluta; għalkemm skont dan is-survey għandu vantaġġ fuq il-Partit Nazzjonalista.

Dan is-survey ikompli jikkonferma trends negattivi għal Robert Abela u l-Gvern immexxi minnu.

Għall-ewwel darba minn kemm ilu jippubblika surveys Marmarà, il-Partit Laburista m’għandux maġġoranza assoluta fil-pajjiż. Din hija konferma tar-riżultat tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.

Din hija l-ewwel darba li dan l-istħarriġ ġie ppubblikat online u mhux fil-gazzetta. L-aħħar trust rating ippubblikat minn Marmara kellu distakk ta’ 27,000 vot bejn il-partiti. U issa dan niżel għal 12,000.

Id-differenza fit-trust rating bejn il-mexxejja issa kważi naqset bin-nofs.

Dan l-istħarriġ xorta jibqa’ stampa tal-mument – kif kien is-survey tal-MaltaToday ftit tal-ġimgħat ilu li poġġa’ lill-PN b’vantaġġ fuq il-Labour.