Internazzjonali

Kaos sħiħ wara li ferrovija ħabtet ma’ oħra f’Chennai

Mad-19-il persuna sofrew minn xi ġrieħi f’Chennai wara li ferrovija ħabtet ma’ ferrovija oħra li kienet wieqfa b’riżultat li spiċċat ħarġet mill-binarju.

L-inċident seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tat-8:30 pm, ħin lokali, bl-awtoritajiet jibgħatu 22 ambulanza fil-post. Fortunatament ma kienx hemm imwiet iżda biss numru żgħir ta’ persuni li kienu jeħtieġu l-kura medika.

Din il-ħabta wasslet biex kien hemm tħarbiet sħiħ fis-sistema tal-ferroviji, b’żewġ ferroviji li ma setgħux jagħtu s-servizz tagħhom filwaqt li ħafna oħrajn li kellhom jieħdu rotot differenti.

Għadu mhux magħruf x’wassal għal dan, b’investigazzjoni qed tipprova tara eżatt x’seħħ. It-tiswija għall-ħsarat li seħħew mistennija jieħdu madwar 16-il siegħa bl-għan li kollox jerġa’ jmur lura għan-normal, għalkemm il-maltemp fiz-zona qed tagħmilha ferm diffiċli biex ix-xogħol jitlesta iktar malajr.