Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qed jiddedika tmiem il-ġimgħa għall-Għawdxin hekk kif qed iżur għadd ta’ lokalitajiet fil-gżira Għawdxija sabiex jassigura li l-ħidma tiegħu tiffoka għall-ħtiġijiet ta’ kull Malti u Għawdxi.
Is-Sibt filgħodu, Bernard Grech żar is-sub headquarters tal-Partit Nazzjonlista, f’Ta’ Sannat Għawdex fejn iltaqa’ mal-kunsilliera u sindki Għawdxin fejn ġie diskuss ix-xogħol li qed issir minnhom fil-kunsilli rispettivi.
Il-laqgħa ġiet indirizzata mill-Kap tal-PN, Bernard Grech fejn faħħar ir-riżultati sodisfaċenti li l-gżira Għawdxija kisbet fl-aħħar elezzjoni tal-kunsilli lokali favur il-Partit Nazzjonalista. Huwa sostna l-importanza tal-ħidma li tibqa’ waħda kontinwa għall-ġid tal-Għawdxin kollha.
Din il-laqgħa ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino, ix-Shadow Minister, Alex Borg u l-koordinatur tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali, Charles Bonnello.
Il-kunsilliera u sindki ddiskutew flimkien it-triq ‘il quddiem, b’Charles Bonello jfakkar dwar il-ħtieġa li l-lokalitajiet bi tmexxija Nazzjonalista jkunu mera għal gvern Nazzjonalista futur li jkun ta’ alternattiva għall-poplu Malti u Għawdxi.
Minn naħa tiegħu, Michael Piccinino saħaq kif anke f’dawk il-kunsilli li l-Labour huwa fil-maġġoranza jeħtieġ li l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jaħdmu b’saqajhom mal-art sabiex isiru l-bidliet neċessarji sabiex il-Gvern Laburista ma jibqax għaddej romblu minn fuq iċ-ċittadini.
Matul l-laqgħa tkellem ukoll ix-Shadow Minister għal Għawdex, Alex Borg fejn saħaq fuq l-importanza ta’ uċuħ ġodda filwaqt li tkellem fuq kemm l-Partit Nazzjoanlista għadu relevanti.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll it-toroq Ta’ Sannat, iż-Żebbuġ, u n-Nadur fejn iltaqa’ ma’ għadd ta’ Għawdxin li tkellmu miegħu dwar id-diffikultajiet li jesperjenzaw ta’ kuljum.
//= $special ?>