Internazzjonali

Mat-30 persuna mejta wara attakki mill-Iżraeljani fuq Jabalia

Attakk mill-Iżraeljani ħalla mat-30 persuna mejta fil-belt ta’ Jabalia, fl-istrippa ta’ Gaża u f’kamp tar-refuġjati.

L-attakk qed ikun irrapurtat li seħħ il-Ġimgħa b’għexieren oħra li kellhom bżonn l-għajnuna medika u ttieħdu fl-Isptar Al Ahli Baptist li jinsab qrib iz-zona tal-attakk. Fost dawk li tilfu ħajjithom hemm kemm nisa u anke tfal, filwaqt li mal-14-il persuna oħra għadhom meqjusa nieqsa taħt it-tifrik.

Bħalissa għaddejja sejħa urġenti għall-fjuwil fl-Isptar Kamal Adwan, li jinsab f’Jabalia, sabiex ikunu jistgħu jsalvaw il-ħajjiet milquta. Iktar kmieni din il-ġimgħa ttieħdet id-deċiżjoni li trabi u pazjenti oħra jittieħdu ‘l bogħod mill-isptar hekk kif truppi Iżraeljani dawru z-zona.

Il-Ministru tas-Saħħa għal Gaza qal li apparti dan l-attakk, 49 persuna oħra ġew maqtula u 219 oħra li sofrew minn xi ġrieħi wara ħames attakki oħra mill-Iżrael fl-aħħar 24 siegħa. B’għadd ta’ persuni li għadhom taħt it-tifrik meta l-operazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili għadhom għaddejjin.

Intant, mexxejja minn madwar id-dinja qed jikkundannaw dawn l-attakki li qed iħallu għadd ta’ persuni, inkluż ċivili, mejta. Qed ikun meqjus li tal-anqas 42,100 persuna ġew maqtula mis-7 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra sal-lum, filwaqt li kważi 100,000 persuna oħra sofrew minn xi ġrieħi kawża ta’ dawn l-attakki.