Lokali

“Nuqqas ta’ riżorsi u spazju jwasslu għal dewmien fil-kawżi” – Il-Kamra tal-Avukati

Id-dixxiplina fuq l-avukati, l-importanza li jkun hemm att li jirregola l-professjoni u t-tarrifi tal-avukati, u l-kwistjoni tal-ispazju fil-Qorti.

Kienu dawn uħud mill-punti li tkellem dwarhom Peter Fenech, il-President tal-Kamra tal-Avukati, waqt il-programm Net Live fejn spjega li ż-żieda fil-popolazzjoni qed taffettwa wkoll il-ġustizzja. Dan hekk kif l-awli issa mhux ilaħqu mal-kawżi kollha.  Għalhekk, il-Kamra tal-Avukati tixtieq tara analiżi dwar din is-sitwazzjoni.  

Flimkien ma’ Robert Cremona tkellem ukoll dwar l-isfida tad-diġitalizzazzjoni, li se twassal għal tibdil enormi fil-mod kif taħdem il-ġudikatura u kif ir-riżorsa umana hija wkoll kwistjoni li dejjem tibqa’ ta’ sfida.

Aċċenna anke għall-fatt li m’hemmx servizz ta’ childcare fil-Qorti, dan minkejja li fl-awli jaħmdu mijiet ta’ ħaddiema, inkluż ġenituri.

Problema oħra li qed tolqot sew lill-poplu Malti u Għawdxi hija d-dewmien biex jinqatgħu l-kawżi, bil-President tal-Kamra tal-Avukati jgħid li dan id-dewmien huwa inaċċettabbli.

Fenech qal li r-raġuni għad-dewmien hija waħda kumplessa ferm.

Intant, il-President tal-Kamra tal-Avukati stqarr li d-dokument Ġustizzja 2030 ġie ppreżentat lill-Ministru u saħaq li dan id-dokument jeħtieġ li jibda jiġi diskuss immedjatament.