Lokali

Raġel arrestat wara li aggredixxa pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema

Malti ta’ 39 sena qiegħed jinżamm arrestat wara li lbieraħ filgħaxija aggredixxa pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.

Il-każ seħħ meta l-pulizija kienu qegħdin jitkellmu ma’ qarib ta’ din il-persuna b’rabta ma’
rapport ta’ sewqan perikoluż.

Ir-raġel ta’ 39 sena daħal fl-għassa u beda jgħolli leħnu u jħabbat mal-perspex. Minkejja t-twissijiet mill-pulizija, huwa sar aggressiv fil-konfront tal-Pulizija.

Ir-raġel m’obdiex l-ordnijiet u kien hawn li mbotta pulizija mal-ħajt u sar aktar aggressiv.

Huwa beda jirreżisti l-arrest, bil-konsegwenza li l-pulizija sofra ksur f’idejh u ġie ċċertifikat bi
ġrieħi gravi, waqt li żewġ pulizija oħra sofrew ġrieħi ħfief.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti.

Infetħet ukoll inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.