Grupp ta’ residenti nġabru f’zona f’Santa Luċija sabiex jieħdu lura d-dritt tagħhom li jipparkjaw f’parkeġġ li għal snin twal kien wieħed pubbliku.
Dan il-parkeġġ, li jinsab biswit grawnd tal-futbol, kien ilu mill-1994 iservi lir-residenti kollha bħala parkeġġ pubbliku, qabel ftit tal-ġimgħat ilu meta l-Gvern qabad u ħa dan l-ispazju u tah lill-privat. Jirriżulta li b’rabta ma’ dan lanqas biss kien hemm applikazzjoni miftuħa mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Matul il-protesta, li għaliha attendew numru ta’ residenti, intqal kif il-kunsill lokali qatt ma kien mgħarraf b’din id-deċiżjoni iżda kienu biss rapporti mir-residenti li saru jafu b’dak li seħħ. Bil-parkeġġ pubbliku mhux talli sar wieħed privat, iżda qed jintuża’ għal skopijiet kummerċjali.
B’din is-sitwazzjoni spiċċat ħolqot konġestjoni u problemi ta’ parkeġġ għar-residenti.
Sitwazzjoni li mhux biss qed taffettwa lir-residenti, iżda anke lil ħwienet li jinsabu fil-viċinanza, kif tispjegalna waħda mill-kunsilliera, Connie Debattista.
Bil-kunsillier Liam Sciberras jispjegalna kif il-lokalità spiċċat ċimiterju tal-karozzi, apparti r-riskju ta’ saħħa li kapaċi joħloq dan il-parkeġġ. U kien għalhekk li qed jittieħdu l-azzjonijiet kollha legali meħtieġa.
Fil-fatt, il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ressqu mozzjoni dak il-ħin stess sabiex jitolbu lill-kunsill lokali jiftaħ kawża l-Qorti u jwaqqa’ l-kuntratt.
Preżentament, il-parkeġġ qed iservi bħala spazju għal iktar minn 100 karozza tal-kiri meta jidher li l-qbil oriġinali kien li dan il-parkeġġ jingħata lil Santa Luċija Football Club biex iservi lill-klijenti tagħhom. Xi ħaġa li qed iġġib oġġezzjoni kbira.
Fil-fatt, dan il-parkeġġ pubbliku ngħata lill-klabb tal-futbol ta’ Santa Luċija għal skopijiet sportivi. B’dan il-klabb krieh lill-kumpanija privata tal-operatur Christian Borg – ħabib sew tal-Prim Ministru, Robert Abela. L-istess persuna li kienet itteħditlu l-liċenzja, li hu akkużat fil-Qorti Kriminali, u li għadu jikri l-vetturi tiegħu lil Transport Malta u lil-LESA.
Risposta għal mistoqsija parlamentari li kien għamel Mark Anthony Sammut tikkonferma li l-assi tiegħu ffriżati qed iħallsuh billi jaqtgħulu mill-pendenzi taċ-ċitazzjonijiet.
Intant, minkejja talbiet ripetuti sabiex il-kunsill lokali jifhem sew x’kien il-qbil ma’ Sport Malta, talbiet għal laqgħat qed jiġu rifjutati. Il-kunsill lokali qed jitlob sabiex dan il-parkeġġ jerġa’ jingħata lura lir-residenti.
Preżenti għal din il-protesta kien hemm fost l-oħrajn ix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut u Bernice Bonello.
//= $special ?>