Internazzjonali

Alex Salmond: Tislima lill-politiku li kważi ħareġ lill-Iskozja mir-Renju Unit

Il-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer u r-Re Karlu tal-Ingilterra ngħaqdu mal-membri tal-Kabinett f’Londra u l-Iskozja biex isellmu lill-memorja ta’ Alex Salmond; l-Eks Ministru Ewlieni Skoċċiż u Kap tal-Partit SNP li l-ħolma tiegħu dejjem kienet biex l-Iskozja tkun indipendenti mill-kumplament tar-Renju Unit.

Salmond, nhar is-Sibt, ħassu ħażin u miet waqt li kien preżenti għal avveniment fil-Maċedonja ta’ Fuq. Servew għalxejn l-isforzi biex iġibuh f’tiegħu u fejn Salmond kien iddikjarat mejjet fuq il-post fost ix-xokk tad-distini u nies preżenti.

Intant, Alex Salmond se jibqa’ mfakkar għall-impenn ‘storiku’ fejn l-Iskoċċiżi, f’Settembru tal-2014, ivvutaw fir-referendum dwar il-futur tal-Iskozja u fejn il-maġġoranza – 55 fil-mija – għażlu l-isatus quo u biex l-Iskozja tkompli bħala parti integrali tar-Renju Unit.

Min-naħa tiegħu, l-Ewwel Ministru attwali tal-Iskozja, John Swinney, qal li Salmond, li miet fl-età ta’ 69 sena, irnexxielu jibni l-kunċett tal-indipendenza Skoċċiża f’issue politiku mill-aktar sinifikattiv u wara li ħafna politiċi, qablu, ħasbu li referendum bħal ta’ snin ilu kien biss ħolma.