Charlton Mifsud ta’ 39 sena mill-Imqabba, li xogħlu huwa ta’ burdnar, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li l-Ġimgħa filgħaxija hedded u attakka tliet Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.
L-akkużat tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu quddiem il-Magistrat Kevan Azzopardi. Il-prosekuzzjoni saħqet li l-akkużat u missieru kienu mitluba li jmorru fl-Għassa ta’ Tas-Sliema minħabba rapporti ta’ sewqan perikoluż.
Il-prosekuzzjoni rrimarkat li l-imputat daħal fl-għassa wara li missieru beda jħabbat fuq il-perspex. Il-prosekuzzjoni kompliet tispjega li huwa irrifjuta jagħti d-dettajli tiegħu, fejn li s-sitwazzjoni eskalat sakemm irreżista l-arrest u wassal biex jattakka tliet pulizija.
Kaġun ta’ dan, wieħed mill-pulizija sofra ksur f’idu, filwaqt li ieħor ġarrab ġrieħi ħfief.
Min-naħa l-oħra, id-difiża ma kkontestatx l-arrest, u l-Magistrat Azzopardi osserva n-nuqqas ta’ kooperazzjoni sabiex jagħti d-dettalji tiegħu kienu raġuni valida għall-arrest tiegħu.
Intant, id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura serja ta’ dan ir-reat u l-possibbiltà li l-akkużat jintraċċa l-provi. Huma wasslu d-dubji tagħhom dwar jekk Mifsud obdix l-ordnijiet tal-Qorti, peress li diġà naqas milli jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Pulizija.
Id-difiża allegat li l-Pulizija qabduh minn għonqu u xeħtuħ mal-art, u assigurat li l-imputat m’għandux intenzjoni li javviċina lill-allegat vittmi jew iwettaq reat ieħor.
Sadanittant, il-prosekuzzjoni enfasizzat li l-akkużat diġà kellhu każijiet preċendenti ta’ theddid, aggressjoni u reati relatati mad-droga.
Intant, wara li nstemgħu s-sottomissjonijiet tal-Qorti, il-Magistrat Azzopardi ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>