Internazzjonali

Gaza: Rejds tal-ajru qattiela… bil-qawwiet Iżraeljani jżidu l-pressjoni fuq il-Ħamas

L-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael komplew jattakkaw l-inħawi fiċ-ċentru u t-Tramuntana ta’ Gaza u fejn, bejn is-Sibt u llum il-Ħadd, inqatlu għexieren oħra ta’ nies – terroristi tal-Ħamas u ċivili – waqt sensiela ta’ azzjonijiet.

Dan waqt li s-suldati Iżraeljani komplew bl-offensiva fuq l-inħawi ta’ Jabalia, f’Gaza, fejn, skont huma, il-grupp tal-Ħamas qed jipprova ‘jirrestawra’ l-insfrastruttura tiegħu biex iwettaq l-attakki ġodda fuq l-Iżraeljani. Hu kalkulat li, mill-bidu tal-offensiva, inqatlu ‘l fuq minn 150 Palestinjan f’perjodu ta’ ġimgħa biss.

Sadanittant, hemm inkwiet kbir dwar traġedja umanitarja oħra, bir-refuġjati fl-artijiet ta’ Jabalia jgħidu li l-miliar Iżraeljan iċċirkonda din il-belt u fejn qed jisforza liċ-ċivili biex jitilqu mill-inħawi permezz ta’ rotta ewlenija f’dik iz-zona.

In-Nazzjonijiet Uniti qed tikkalkula li fis-sitwazzjoni traġika ta’ Gaza, hemm ‘il fuq minn 400,000 Palestinjan iżolati fl-artijiet ta’ ħadd u li kuljum qed jiffaċċjaw periklu kbir waqt l-avvanzi tal-qawwiet Iżraeljani fuq is-siti tal-Ħamas.

L-aħħar rapporti semmew aktar suċċessi għall-militar Iżraeljan li qal li s-suldati tiegħu qatlu ‘l-għexieren tat-terroristi’ fost l-attakki fuq tal-anqas 40 sii tal-Ħamas. Is-suldati f’Jabalia, intant, elevaw kwantità sinifikanti ta’ armamenti u splussivi u fejn fost oħrajn qerdu launcher tal-Ħamas li kien qed jispara r-rokits lejn Ashkelon, fin-naħa t’isfel ta’ Iżrael.