Lokali

AĠĠORNATA: Iċċedi parti minn gallarija f’San Pawl il-Baħar

Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu f’San Pawl il-Baħar biex ineħħu periklu wara li ċediet parti minn gallarija ta’ appartament.

Skont kelliema għall-Pulizija, jirriżulta li kienet ċediet ix-xibka ta’ din il-gallarija, b’konsegwenza li parti mill-gallarija waqgħet fuq vettura li kienet ipparkjata.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7:30pm tal-Ħadd filgħaxija, fi Triq Luigi Preziosi, f’San Pawl il-Baħar.

Jidher li ma weġġa’ ħadd f’dan l-inċident.

Fil-post issejjaħ ukoll perit tal-Gvern, filwaqt li tpoġġew barriers bħala prekwazjoni. Ġew ukoll ikkuntattjati s-sidien ta’ din il-proprjetà.