Internazzjonali

Il-Litwanja: Vot għall-Parlament fost l-inċertezza dwar l-intenzjonijiet tar-Russja

Il-poplu fil-Litwanja qed jivvota fl-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet parlamentari li għandhom sinifikat partikulari għar-reġjun sħiħ tal-Baltiċi – u għall-Ewropa.

Dan għaliex il-votazzjoni qed issir fi żmien meta l-gwerra li qed tmexxi r-Russja kontra l-Ukrajna xprunat sens akbar ta’ inkwiet, fil-Baltiċi, dwar l-intenzjonijiet tal-Kremlin u tal-President Russu, Vladimir Putin.

Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea, li l-Litwanja tifforma parti minnha, qed issegwi b’interess l-aħħar żviluppi f’dan il-pajjiż li jifforma parti minn reġjun ta’ importanza strateġika kbira għall-kontinent kollu.

Madwar 2.4 miljun Litwan eliġibbli biex jivvutaw mistennija jeleġġu 141 deputat minn fost 2,400 kandidat politiku permezz ta’ żewġ rawnds ta’ votazzjoni. Il-kandidati eletti jkunu jridu jservu għal erba’ snin fis-Seimas – jew Parlament – fil-kapitali Vilnius.

Il-vot deċiżiv,imbagħad, isir fis-27 ta’ Ottubru, meta l-maġġoranza tal-kostitwenzi rappreżentati mid-deputat speċifiku jagħżlu bejn iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-aktar voti f’dan ir-rawnd.

Dan meta mhux eskluż li s-Soċjal Demokratiċi fl-Oppożizzjoni u l-partiti iżgħar taċ-ċentru-xellug, jibdew jiggvernaw il-Litwanja minflok il-koalizzjoni taċ-ċentru-lemin attwali.

Il-Gvern tal-Prim Ministru Ingrida Šimonytė, li ilu jmexxi l-Litwanja mill-2020, fl-aħħar xhur kien qed jiffaċċja l-problemi – b’mod partikulari minħabba l-miżuri stretti kontra l-Covid-19 u l-influss tal-immigranti fil-pajjiż. Dan minkejja s-suċċessi ekonomiċi tal-Litwanja taħt it-tmexxija ta’ Šimonytė – bil-pajjiż jirreġistra waħda mill-iżgħar rati ta’ inflazzjoni fl-UE ta’ 27 pajjiżi membri.

Fil-fatt, l-analisti qed jaqblu li ħafna sezzjonijiet tal-elettorat mhumiex kuntenti bit-tmexxija tal-Gvern attwali. Dan għaliex, fi kliem l-osservaturi lokali, il-fatturi ekonomiċi pożittivi u ‘iż-żieda tal-flus fl-idejn’ ma jikkumpensawx għat-theżżiż notevoli fil-Litwanja minn aspett soċjali – bidliet li l-poplu ma kienx lest għalihom.

Jekk l-ebda partit ma jikseb aktar minn 20 fil-mija tal-vot, ikun hemm il-ħtieġa għall-alleanzi governattivi f’Vilnius.