Lokali

Jitħawlu numru ta’ siġar fin-Nadur

Ritratt: Siġar

L-għaqda non-governattiva ‘Siġar’, organizzat l-ewwel inizjattiva ta’ tħawwil tas-siġar fin-Nadur, Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Nadur u diveri esperti, biżwit ta’ Kenuna Tower and Gardens, is-Sibt filgħodu.

L-inizjattivi ta’ tħawwil tas-siġar qed isiru minn din l-NGO, bil-għan li tingħata l-opportunità lill-voluntiera sabiex jiżirgħu u jitgħallmu jieħdu ħsieb lis-siġar b’suċċess fid-dawl tal-klima ta’ pajjiżna.

Intant, l-għaqda spjegat li s-siġar indiġeni f’pajjiżna, b’mod speċjali f’postijiet urbani, jistgħu jgħinu billi jħallu l-bijodiversità tikber u anke jgħinu l-fenomenu tat-tibdil fil-klima. Dan minħabba l-fatt li s-siġar jassorbu l-emissjonijiet karboniċi, jipproduċu arja friska, inaqqsu t-temperaturi ta’ pajjiżna, jipprovdu dell lit-toroq tagħna u anke huma ħabitat naturali għall-numru ta’ speċi.

Is-siġar indiġeni huma wkoll partikolarment importanti għall-klima u l-ħamrija ta’ Għawdex, fejn jirrikjedu inqas ilma u inqas fertalizzant minn siġar importati.

L-NGO fi stqarrija ppublikata, spjegat li hija biss 1% tal-art f’pajjiżna li tkopri s-siġar, u għalhekk huma determinati li jkomplu jiżirgħu s-siġar, b’mod speċjali f’Għawdex.

L-għaqda non-governattiva ‘Siġar’, hija determinata li tkompli bix-xogħol tagħha f’Għawdex, filwaqt li tikkumplimenta proġetti diversi kif ukoll tinkludi l-iskejjel u diversi Kunsilli Lokali madwar il-gżira Għawdxija.

Preżenti għal din l-inizjattiva kienu s-Sindku tan-Nadur Edward Said flimkien mal-Viċi Sindku Kevin Curmi.