Lokali

Is-settur finanzjarju jinsab f’diffikultajiet serji

Il-Mument tiżvela kif l-MFSA dipendenti fuq il-fondi pubbliċi

Fil-ġranet li għaddew l-MFSA reġgħet okkupat paġni sħaħ fil-ġurnali, u mhux għal raġunijiet sbieħ. Wara snin ta’ battalja legali, it-Tribunal Industrijali sab lill-Eks CEO tal-MFSA Joseph Cuschieri ħati li keċċa lil Eks COO tal-istess Awtorità inġustament wara li dan tal-aħħar waqaf lil Joseph Cuschieri dwar sensiela ta’ irregolaritajiet. Għaldaqstant, l-MFSA se jkollha tħallas lil Reuben Fenech iktar minn €400,000 b’kumpens minn fondi pubbliċi u terġa’ timpjegah fl-istess kariga li kien tkeċċa minnha inġustament.

Dan huwa biss l-aħħar kapitlu minn sensiela ta’ skandli li umiljaw l-Awtorità f’dawn l-aħħar snin. L-MFSA suppost li tkun eżempju fejn jidħlu integrità, kompetenza u governanza tajba.

Iżda minflok, instabet ħatja li kisret ir-regolamenti tagħha stess, permezz ta’ Joseph Cuschieri, li llum huwa CEO ta’ Project Green.

Minkejja li Joseph Cuschieri m’għadux CEO tal-MFSA, l-impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-Awtorità, mhux żgħir. Il-valuri li tiftaħar bihom l-MFSA fuq is-sit elettroniku tagħha huma “integrity, trustworthiness, dependability, excellence, and independence.”

Fl-ewwel post fost tal-valuri li l-MFSA tgħid li tħaddan, hija l-integrità. Huwa proprju dan il-prinċipju li ġie nieqes ħafna drabi matul l-ahhar snin.

Ir-rwol ta’ CEO huwa dak li l-iktar għandu jagħti eżempju f’entità, fejn l-integrità hija pilastru kardinali sabiex is-servizzi finanzjarji jkunu jistgħu joperaw bl-iktar mod ottimali.

Imma minflok, kien Joseph Cuschieri li keċċa lil persuna li ppruvat tagħmel l-affarijiet kif suppost.

Joseph Cuschieri regolarment kiser il-proċeduri tal-Awtorità meta, fost affarijiet oħra,  impjega nies tal- fiduċja tiegħu u kien jonfoq il-flus tal Awtorità mingħajr ma kien jikkonsulta ma’ ħadd.

Filwaqt li fit-Tribunal issemma ir-rwol ewlieni ta’ Cuschieri, wiehed għandu jistaqsi għalfejn ħadd mill-MFSA ma kien kapaċi jiqaflu u jżommu milli jikkommetti dawn l-irregolaritajiet.

Huwa diffiċli li wieħed jemmen li ħadd ma kien jaf b’dak li kien qiegħed jagħmel Joseph Cuschieri. Il-membri tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA kellhom id-dover li josservaw u jżommu lis-CEO responsabbli għad-deċiżjonijiet li jieħu. Fejn jidħol it-tberbiq tal-flus, suppost li id-dipartiment tal-finanzi kellu viżibbiltà ta’ fejn Joseph Cuschieri kien qed jonfoq il-flus, u n-nies tal-HR suppost li kienu jafu li l-istess Joseph Cuschieri kien qed jimpjega nies mingħajr ma jimxi mall-proċeduri.

Okkażjonijiet oħra ta’ meta l-MFSA ħammret wiċċha huma: Pilatus Bank, Nemea Bank u Satabank. Imma il-qofol tal-umiljazzjoni ntlaħaq meta Malta spiċċat fil-lista il-griża tal-FATF.

Malta, li skont ir-road map ta’ xi ħadd kellha tkun l-aqwa fl-Ewropa, spiċċat l-aqwa fost il-medjokri. Ikun żbaljat jekk wieħed jaħseb li dawn l-episodji jiġru waħedhom. Dawn huma konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet żbaljati minn nies inadegwati.

Is-sinjali ta’ dak li kien għad irid jiġri, kienu ilhom jidhru żmien qabel ma Malta spiċċat fuq il-lista l-griża, meta banek kbar barranin għażlu li jagħlqu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ banek Maltin għaliex bdew jaraw lil Malta bħala ġurisdizzjoni riskjuża minn perspettiva ta’ ħasil ta’ flus. Madankollu, kien hemm min għażel li jinjora s-sinjali u jippretendi li kollox kien miexi fuq ir-rubini.

Is-settur finazjarju huwa kruċjali għall-ekonomija ta’ Malta u huwa fundamentali li l-kumpaniji li joperaw f’din l-industrija jkollhom moħħhom mistrieħ li min qiegħed jirregolahom ikun ta’ integrità u kompetenza liema bħalha.

Jekk dawn il-karigi għoljin jingħataw bħala premju lil nies ta’ ċerta xaqliba politika, hemm ir-riskju li l-iżbalji tal-passat jerġgħu jiġru, u l-isforz li qed jagħmel il-pajjiz sabiex jerga’ jikseb lura l-kredibbiltà quddiem is-swieq internazzjonali, ikun kollu għalxejn. Sabiex jintlaħaq dan l-iskop, huwa kruċjali li in-nies li jintgħażlu biex imexxu entitajiet ta’ rilevanza pubblika jkunu ta’ kompetenza u integrità assoluta.

Fl-istess waqt, dawk li jinstabu li ddisprezzaw kull aspett ta’ governanza tajba, m’għandhomx jitħallew jokkupaw karigi ta’ interess pubbliku.

Hekk biss is-sensiela ta’ skandli tkun tista’ tingħalaq u ma terġax tinfetaħ.