Lokali

It-tfajliet ta’ 13-il sena huma l-aktar vulnerabbli

Tfajliet ta’ 13-il sena f’Malta għandhom l-ogħla rata ta’ użu problematiku tal-midja soċjali fl-Ewropa.

Skont riċerka li saret ricentament, 83% ta’ dawn it-tfajliet qalu li jużaw is-social media b’mod li jista’ jwassal għal dipendenza – li hija r-rata l-aktar għolja wara dik tar-Rumanija.

L-istudju, li sar mill-bank HSBC fl-2022, analizza l-imġiba ta’ aktar minn 300,000 tifel u tifla madwar 45 pajjiż, u wera kif din il-problema kibret b’mod sinifikanti wara l-pandemija.

Bosta tfal, speċjalment it-tfajliet, irrikorrew għal aktar ħin online bħala mod kif jgħaddu l-ħin u jħossuhom konnessi; imma dan wassal għal effetti negattivi fuq is-saħħa mentali tagħhom.

Is-sitwazzjoni f’Malta tinsab fost l-agħar, bi professjonisti fis-saħħa jitkellmu dwar kif użu kontinwu tal-midja socjali qed iwassal għal tnaqqis fil-benesseri mentali fost it-tfal u l-adolexxenti.

Esperti qed iwissu li dan l-użu mhux kontrollat jista’ jikkawża iżolament soċjali, ansjetà, u diffikultajiet ta’ rqad.

Filwaqt li l-logħob online huwa aktar komuni fost is-subien, it-tfajliet huma l-aktar vulnerabbli għall-problemi assoċjati mal-midja soċjali, bir-riżultati tal-istudju juru li din id-dipendenza qed tiżdied b’rata allarmanti.

Intant, Hans Kluge, direttur tar-reġjun Ewropew tal-WHO, saħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni diġitali biex titnaqqas il-problema u biex il-ġenituri u l-għalliema jkunu mgħammra bl-għodod biex jgħinu lit-tfal jagħmlu użu iktar responsabbli tal-midja diġitali.