Internazzjonali

Iżrael-NU: Netanyahu jinsisti għat-tluq ‘minnufih’ tas-suldati tal-UNIFIL mil-Libanu

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu kompla jżid it-tensjoni man-Nazzjonijiet Uniti fost l-insistenza biex is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni, Antonio Guterres, joħroġ immedjatament lis-suldati tal-UNIFIL mil-Libanu fejn dawn ilhom is-snin jippruvaw iżommu l-paċi fl-artijiet tan-Nofsinar.

Dan ukoll meta Iżrael qed jaħseb biex iżid l-offensiva fuq il-milizji Xiti Lebaniżi tal-Ħeżbollah, b’Netanyahu  jesiġi biex in-Nazzjonijiet Uniti tieħu l-passi neċessarji biex is-suldati tal-UNIFIL jitneħħew minnufih mill-artijiet Lebaniżi fejn kapaċi jisfaw mira għal aktar ostilitajiet.

Il-kummenti ta’ Netanyahu ma niżlu xejn tajjeb man-NU u diversi pajjiżi tal-Punent li qed iqisu l-atteġġjament ta’ Iżrael bħala ‘provokatorju’ u ‘intimidanti’. Dan ukoll wara li l-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, Israel Katz, aktar kmieni fix-xahar iddikjara lil Guterres bħala persona non grata wara l-aħħar attakk bil-missili tal-Iran fuq Iżrael.

Sadanittant, mal-40 pajjiż ikkundannaw bla riservi lill-aħħar attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq is-suldati tan-NU għaż-żamma tal-paċi fil-Libanu. Fl-azzjonijiet, indarbu xi suldati mill-Indoneżja u s-Sri Lanka, bin-Nazzjonijiet Uniti għadha qed tinvestiga l-inċidenti, fost il-protesti mar-rappreżentanti għoljin ta’ Iżrael.

L-40 pajjiż – permezz ta’ stqarrija konġunta – qalu li l-attakki fuq il-membri tal-UNIFIL għandhom jieqfu mal-ewwel u biex Iżrael jippermetti għall-investigazzjonijiet xierqa relatati mal-iżvilupp inaċċettabbli. Dawn il-pajjiżi komplew li r-rwol tal-UNIFIL hu partikularment kruċjali fid-dawl tas-sitwazzjoni li eskalat fil-Lvant Nofsani.

Min-naħa tiegħu, il-Papa Franġisku sejjaħ biex is-suldati tal-UNIFIL ikunu rispettati waqt li tenna li hu jinsab qrib in-nies kollha involuti fil-kriżi tal-Lvant Nofani – sew jekk huma Palestinjani, Iżraeljani jew Lebaniżi. Il-Kap tal-Kattoliċi ħeġġeġ ukoll għal waqfien mill-ġlied fuq il-fronti kollha tal-Libanu u l-Medda ta’ Gaza u biex il-partjiet involuti fl-inkwiet ifittxu d-diplomazija u d-djalogu li jwasslu għall-paċi konkreta.

Il-ġlied fil-Libanu jintensifika

Il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah qalu, fl-aħħar sigħat, li l-ġellieda tagħhom kienu involuti fil-kumbattimenti kbar mas-suldati Iżraeljani viċin il-fruntiera tal-Libanu ma’ Iżrael. Mifhum li fil-ġlied indarbu diversi suldati Iżraeljani li kienu evakwati lejn l-eqreb sptarijiet għal trattament.

Huwa ċert, intant, li l-battalji bejn il-Ħeżbollah u l-militar Iżraeljan qed jintensifikaw fin-Nofsinar tal-Libanu – u meta Iżrael qed iżid ‘il-lista tal-miri’ għas-suldati, it-tankijiet u l-ajruplani tal-gwerra. Kollox jindika li l-pjan qed ikun implimentat bis-sħiħ,  bil-qawwiet tal-ajru Iżraeljani jattakkaw mal-200 mira tal-Ħeżbollah fi spazju ta’ 24 siegħa (fi tmiem il-ġimgħa).

F’inċident partikulari, il-Fergħa Lebaniża tas-Salib l-Aħmar qalet li l-voluntiera tagħha sofrew il-ġrieħi meta l-qawwiet Iżraeljani fin-Nofsinar tal-Libanu sparaw fuq bini fejn dawn il-voluntiera kienu qed ifittxu l-midruba. Sadanittant, il-kelliema għall-Armata Iżraeljana akkużaw lill-Ħeżbollah b’li qed jużaw l-ambulanzi biex jittrasportaw il-milizji u l-armamenti lejn il-fronti tal-battalja.