Lokali

L-MHRA trid viżjoni fit-tul għat-turiżmu

L-isfidi fuq l-infrastruttura, il-carrying capacity, iż-żieda fil-popolazzjoni.

Dawn kienu kollha temi li ssemmew waqt il-programm NET Live, fejn bħala mistieden kien hemm il-President tal-MHRA Tony Zahra li tkellem fuq il-Carrying Capacity Report li sar mill-kumpanija Deloitte flimkien mal-MHRA dwar il-bżonn li naraw kemm pajjiżna jista’ jlaħħaq mad-domanda tat-turisti li jżuru Malta.

Matul din l-intervista, Zahra tkellem fuq il-pressjoni tat-turiżmu fuq l-infrastruttura fejn qal li s-sitwazzjoni preżenti turi li pajjiżna għandu problema fid-dranaġġ, speċjalment f’lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar, u li jeħtieġ isir l-investiment fid-dranaġġ.

Barra minn hekk, Tony Zahra saħaq kif pajjiżna jeħtieġ ikollu viżjoni ċara fil-qasam tat-turiżmu, hekk kif tenna li f’Malta neqsin minn viżjoni ċara u pjan fit-tul għas-settur tat-turiżmu.

Il-President tal-MHRA qal li jrid ikun hawn managed tourism u turiżmu ta’ kwalità sabiex dan jirrendi benefiċċji u r-riżultati neċessarji fl-ekonomija ta’ Malta.

Tony Zahra insista li l-pajjiż irid ikollu għanijiet ċari u jiffoka fuq x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem għal dan il-qasam.