Illum it-tim nazzjonali Malti se jkun qed jilgħab partita deċiżiva mill-UEFA Nations League f’League D Grupp 2 kontra l-Moldova. It-tim Malti jrid jikseb rebħa minn din il-partita biex iżomm ħajjin it-tamiet tiegħu li jiskeb il-promozzjoni għal-League Ċ.
Din se tkun ukoll l-ewwel partita għall-kowċ il-ġdid Davide Mazzotta wara li ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim nazzjonali Malti mingħand Michele Marcolini li tkeċċa wara r-rebħa kontra Andorra. Għal Mazzotta, din se tkun it-tieni esperjenza mat-tim nazzjonali Malti wara li kien kowċ parti mill-istaff tekniku taħt David Mangia.
F’din l-edizzjoni tal-UEFA Nations League, it-tim Malti kiseb rebħa u telfa, fejn fl-ewwel partita tilef bl-iskor ta’ 2-0 kontra l-Moldova u fit-tieni partita kiseb rebħa ta’ 1-0 kontra Andorra. It-tim Malti kellu wkoll jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra t-Turkmenistan nhar il-Ħamis li għadda iżda din kellha titħassar minħabba raġunijiet ta’ loġistika minn naħa tal-assoċjazzjoni tat-Turkmenistan.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet lejlet il-partita, il-kowċ tat-tim Malti qal li jinsab kunfidenti li t-tim tiegħu jikseb rebħa kontra l-Moldova minkejja li qal li l-plejers tiegħu niżlin għall-partita b’rispett lejn l-avversarji tagħhom.
//= $special ?>