Lokali

“Nixtieq li fil-budget, Għawdex ma jkunx afterthought”

“Nixtieq li fil-budget, Għawdex ma jkunx afterthought”.

Dan kien is-sentiment li esprimiet l-avukat Nadia Vella, waqt djalogu fin-Nadur, Għawdex, organizzat mill-Partit Nazzjonalista.

Vella bdiet id-diskors tagħha billi titkellem dwar il-problemi marbuta mal-Qorti ta’ Għawdex. Hija saħqet fuq l-importanza ta’ aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd, speċjalment għal dawk bi problemi ta’ mobbiltà. Hija rrimarkat li għad hawn persuni li jbatu biex ikunu preżenti fl-awla minħabba n-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati.

Madankollu, hija sostniet ukoll li d-dokumenti tal-qorti għandhom ikunu miġbura f’post wieħed, għax bħalissa dan mhux qed jiġri, u li l-awli huma żgħar wisq, b’vittmi u akkużati li spiss isibu ruħhom jistennew ħdejn xulxin.

Vella tkellmet ukoll fuq is-sigurtà f’Għawdex, fejn esprimiet tħassib dwar l-għeluq tal-għases tal-pulizija f’ċertu lokalitajiet. Hija rrimarkat li l-għassa tan-Nadur bħalissa hija magħluqa minħabba l-filming ta’ film u sostniet li dan qed ipoġġi lill-komunità f’sitwazzjoni diffiċli. Vella qalet li l-għeluq ta’ għases tal-pulizija jagħmel ħsara lis-sigurtà taċ-ċittadini, speċjalment f’postijiet ta’ divertiment, u appellay għal aktar investiment fis-sigurtà pubblika.

Vella temmet billi appellat biex Għawdex jiġi trattat bħala reġjun sħiħ u mhux biss bħala distrett elettorali, waqt li esprimiet ix-xewqa tagħha li din tkun riflessa fil-baġit li jmiss.

Waqt id-djalogu tkellem ukoll il-Perit Edward Scerri li tkellem dwar il-built environment fil-Gżejjer Maltin. Matul l-intervent tiegħu, huwa saħaq li, jekk l-ambjent mibni ma jkunx maħsub sewwa, jista’ jagħmel ħsara lill-komunitajiet. Huwa enfasizza li l-kwistjoni mhix jekk għandniex bini, imma aktar kif dan qed jiġi ddisinjat u mibni.

Scerri ddiskuta wkoll ir-riżultati ta’ stħarriġ xjentifiku li sar fl-2022, fejn il-maġġoranza tal-pubbliku esprimew tħassib dwar żvilupp eċċessiv u bini għoli, speċjalment f’zoni protetti. Minn mistoqsijiet magħmula fl-istħarriġ, 99% ta’ dawk li wieġbu qalu li għandhom id-dritt li jibnu, iżda 88% qalu li għandhom ukoll ikunu kkontrollati meta jagħmlu dan. Scerri enfasizza li regolamenti stretti huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ikun sostenibbli u ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini.

Fl-aħħar, Scerri saħaq fuq il-bżonn li tiġi ppreservata l-uniċità tal-ambjent Għawdxi u appella għal aktar siġar f’zoni urbani, li mhux biss jikkontribwixxu għall-kwalità tal-arja iżda wkoll jagħtu benefiċċji għas-saħħa mentali u soċjali tal-komunità.