Lokali

Aktar ilmenti dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-BCA tant li l-avukat “b’xejn” ma jagħtik għajnuna professjonali

Fl-aħħar jiem Net News żvela li dak li ħabbar il-Ministru Jonathan Attard dwar l-għajnuna professjonali għal dawk affettwati minn xogħol ta’ kostruzzjoni, fil-verità, mhix għajnuna li qed tħalli l-effett mixtieq. Tant li f’każ ta’ avukat dan jista’ biss “jispjegalek”.

Wara r-rapport ta’ Net News, diversi persuni oħra tkellmu ma’ dan l-istazzjon u kkonfermaw kif l-iskema tal-BCA verament mhi tagħti l-ebda għajnuna fejn jidħol xogħol ta’ kostruzzjoni li qed isir biswithom.

“Jiena ċempilt lill-BCA għax kelli problema dwar post li qed jinbena jmiss miegħi, tlabt l-għajnuna ta’ avukat u ċempluli tliet ġimgħat wara,” tgħid persuna li xtaqet tibqa’ anonima. “Sadanittant ilħaqt mort għand avukat privat u weħilt €214. Ċempluli u qaluli li l-avukat tagħhom la jiftaħ kawżi l-Qorti, la jagħti pariri imma jispjegalek biss. Iċċempel fejn iċċempel, ma ssib għajnuna mingħand ħadd, la mill-Planning Authority u lanqas mill-BCA.”

Fil-prattika, din l-iskema li ħabbar il-Gvern fl-aħħar ġimgħat ma tagħti l-ebda servizzi – bħal pereżempju sempliċiment tintbagħat ittra uffiċjali, u l-avukat lanqas jaċċetta li jitla’ l-Qorti miegħek f’każ li tkun trid tiftaħ kawża.

Wara li kien ġie żvelat dan kollu, il-BCA kienu qalu permezz ta’ email li r-rapportaġġ kien wieħed “irresponsabbli” għaliex “kull każ għandu l-partikolaritajiet tiegħu u jingħata l-assistenza neċessarja u individwali li tista’ saħansitra twassal għal rappreżentanza legali quddiem il-fora ġudizzjarja neċessarja.”

Iżda fil-verità… persuni li talbu l-assistenza tal-BCA sabiex jitwaqqaf xogħol illegali li kien qed isir fi proprjetajiet ta’ kostruzzjoni biswithom, sabu li l-għajnuna waslet wisq tard. Tant li l-ħaddiema jkunu laħqu lesti minn xogħolhom u jitilqu ‘l hemm; bis-sit isibuh battall mill-ħaddiema.

“Kien hemm każ li lilna għamlulna l-ħsarat fid-dar. Ġie mneħħi ħajt li lilna naqqsilna l-valur fid-dar għax mingħajru ma nistgħux intellgħu iktar sular,” tgħid persuna oħra. “Bdejt inkellimhom, bdew jgħidulna li se jwaqqfu x-xogħol u vera waqqfuhom, imbagħad jibagħtu law enforcements, jiġu u jsibuhom mhux jaħdmu għax kienu jiġu f’ħinijiet meta ma jkunux għadhom ġew il-ħaddiema. Ix-xogħol baqa’ jsir għad-detriment tagħna.”

U dan qed iwassal għal spejjeż kbar għal persuni terzi li suppost jinsabu siguri u għal kwiet fi djarhom stess; iżda minflok qed jispiċċaw tilgħin u niżlin il-Qorti bi spejjeż li jlaħħqu l-eluf ta’ ewro.

“L-aħħar li mort qalulna li ma jistgħu jagħmlu xejn fil-każ tagħna għax din hu każ ta’ ċivil,” tkompli tgħid din il-persuna. “Ma nafx kif qed ifarfru huma minnha. Diġà biex ħriġna ittra hemm spejjeż sew. Issa jekk inkomplu ħa jiżdied ħafna, l-iżjed jekk tidħol il-Qorti. Aħna din ġiet fuqna għalxejn għax konna kwieti f’darna. Kieku l-MEPA u l-BCA għamlu xogħolhom sew.”