Illum l-14 ta’ Ottubru Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, nediet talba li biha se tkompli l-ġlieda kontinwa għall-ġustizzja u l-verità. Bħalma dejjem tenniet Isabelle, it-tiftix għall-verità u l-ġustizzja qatt ma kienet għal binha biss, iżda kienet u għadha favur dawk kollha li sfaw vittmi ta’ mwiet mhux naturali u għall-qraba tagħhom li għadhom mingħajr risposti.
Isabelle Bonnici, li kisbet appoġġ nazzjonali u għaqqdet pajjiż favur il-ftuħ ta’ Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ binha, għamlet stedina lil dawk il-familjari tal-vittmi li għadhom mingħajr risposti rigward il-mewt mhux naturali ta’ qrabathom. Isabelle appellat sabiex dawn jikkuntattjawha minn fuq il-paġna Facebook ‘Għal Jean Paul’ u jingħaqdu magħha ħalli flimkien iwettqu l-bidla li hemm bżonn li ssir favur il-ftuħ tal-inkjesti pubbliċi wara kull mewt mhux naturali u l-pubblikazzjoni tal-eżitu tagħha.
Isabelle ssostni li sakemm ma jkunx iddettat mod ieħor mill-qraba tal-vittmi, l-eżitu tal-inkjesti għandhom ikunu pubbliċi fuq pjattaformi aċċessibbli għal kulħadd mingħajr ħlas.
Appell lill-politiċi
Fl-appell tagħha Isabelle, indirizzat lill-mexxejja politiċi u talbet sabiex jitwarrbu d-differenzi politiċi u bħala aħwa Maltin, f’ġieħ uliedna, tittieħed azzjoni deċiżiva favur il-ġustizzja. Isabelle appellat ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll lill-Kap tal-Opposizzjoni Bernard Grech sabiex jingħaqdu magħha ħalli flimkien huma jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta ma’ mwiet mhux naturali u l-isfidi li jaffaċċjaw il-familji milquta permezz ta’ legiżlazzjoni f’ġieħ l-interess nazzjonali. Dan biex jiġi żgurat il-pubblikazzjoni tal-inkjesti dwar imwiet mhux naturali u kompliet issostni li din it-trasparenza hija essenzjali sabiex tinkiseb il-ġustizzja f’pajjiż demokratiku.
Il-messaġġ ta’ Isabelle huwa ċar: Il-mewt ta’ binha m’għandhiex tkun għalxejn. Isabelle tittama li l-isforz tagħha flimkien mar-rieda tal-poplu jwassal sabiex l-awtoritajiet ikkonċernati jgħinu sabiex jimplimentaw ir-riformi tant meħtieġa sabiex jiġu pprevenuti inġustizzji u l-familjari tal-vittmi jingħataw iċ-ċertezza li tkun miksuba l-verità. Dan jista’ jseħħ tramite l-ftuħ ta’ inkjesti pubbliċi ta’ mwiet mhux naturali u li jiġu ppubblikati l-imsemmija inkjesti fil-miftuħ.
//= $special ?>