Il-frustrazzjoni fit-toroq Maltin iktar ma jmur iktar qed tiżdied, bil-poplu kontinwament imwaħħal f’serbut ma jispiċċa qatt ta’ traffiku.
Quddiem din is-sitwazzjoni, l-editur tat-Times of Malta ġibed l-attenzjoni dwar il-bżonn li t-trasport pubbliku jtejjeb is-servizz tiegħu ħalli naraw inqas vetturi fit-toroq.
L-editorjal jgħid li s’issa kulma rajna kien il-Gvern li qed jipprova jbellagħha lin-nies li għandu kontroll assolut fuq din il-kriżi billi qed jonfoq il-miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu biex suppost ikollna konnettività aħjar fit-toroq tagħna. Għalkemm din kompletament qed tisfaxxa fix-xejn quddiem il-fatt li l-ammont ta’ karozzi rreġistrati f’pajjiżna qed ikompli jiżdied bl-iktar mod esaġerat.
U dan qed iwassal biss biex naraw falliment assolut fl-immaniġġjar tat-traffiku, kif jinnota bl-iktar mod ċar l-editur.
Minkejja dan, il-Ministru tat-Traffiku, Chris Bonett mar fil-Parlament jiftaħar li l-Gvern Laburista nefaq mas-€700 miljun fi proġett għat-toroq. Filwaqt li ma ta l-ebda soluzzjoni għat-traffiku li dejjem qed jikber, anke meta mistoqsi minn għadd ta’ ġurnalisti fl-aħħar ġimgħat u xhur.
Fil-fatt, kif jirrimarka l-editorjal, s’issa għad m’hemmx strateġija ċara u effettiva biex jitnaqqas l-ammont ta’ karozzi fit-toroq Maltin.
//= $special ?>