Kultura Kunsilli Lokali Lokali

Ġenna ta’ Ġonna – attività l-Ħadd li ġej li tesebixxi ġmiel il-Floriana

Il-Ħadd li ġej, 20 ta’ Ottubru, se tkun organizzata l-attività Ġenna ta’ Ġonna, attività annwali mtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li tesebixxi l-lokal b’mod differenti milli ssoltu bosta jarawha hekk kif illum il-Floriana tilqa’ fi ħdanha għadd ta’ negozji u persuni li ftit ikollhom ċans japprezzaw il-ġawhra li toffri l-lokal.

Matul din is-sena se jkun hemm 30 attività, il-qofol jibqa’ fiz-zona ta’ Ġnien il-Mall fejn matul il-ġurnata se jkun hemm suq b’numru ta’ artiġġjanat u anki se jkun hemm il-Protezzjoni Ċivili fejn se jkunu qed jagħtu esebizzjonijiet tal-vetturi tagħhom lil dawk preżenti, dan apparti attivitajiet oħra ta’ spettaklu inkluż kunċert minn Kantera.

L-istazzjon tal-ferrovija uniku ta’ taħt l-art se jkun ukoll miftuħ fejn wieħed se jkun jista’ jara l-post minn fejn kienet tieqaf u tgħaddi l-ferrovija f’Malta. Dan apparti wkoll mal-kampnari tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju.

Fuq il-Fosos, fi Pjazza San Publju, bejn l-10am u l-11.45am wieħed jista’ jara reċta li tesebixxi l-mod kif twaqqfet il-Floriana, dan apparti wirjiet tal-karozzi klassiċi u anki ta’ episodji mill-Gwerra.

Il-Kunvent tal-Kapuċċini wkoll se jkun miftiħ fejn wieħed jista’ jara l-mużew tal-istess kunvent u anki jżur il-kripta.

Filgħodu se jkun hemm ukoll purċissjoni mill-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta akkumpanjata mill-banda tas-Società Filarmonica Vilhena. Dawk dillettanti tal-futbol jistgħu wkoll iżuru s-sala tal-unuri tal-klabb ta’ Floriana FC.

L-attività se tkun qed tibda għall-ħabta tal-10am u għandha tinqa’ għaddejja sat-8.30pm.

Wieħed jista’ jara l-programm kollu tal-attività hawnhekk.