“Huwa inaċċettabbli li bdiet sena forensi oħra u Għawdex għadu mingħajr bini alternattiv li jista’ jservi bħala l-Qorti ta’ Għawdex sabiex l-Għawdxin ikollhom servizz aktar effiċjenti.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni fi stqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Avukati t’Għawdex fejn urew id-dispjaċir tagħhom li għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni għall-problema tan-nuqqas ta’ spazju fil-bini tal-Qorti. Dan apparti li ma nstabet l-ebda soluzzjoni għan-nuqqas ta’ aċċessibiltà għall-anzjani u persuni b’diżabbiltà.
Fl-istqarrija ‘Avukati Għawdex’ spjegaw kif matul is-snin saru diversi proposti għal sit alternattiv għall-bini tal-Qorti f’Għawdex u anke nħarġu permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar bi spiża kbira għall-pubbliku; imma l-ebda proposta qatt ma ġiet imwettqa għal xi raġuni jew oħra.
Fakkru wkoll li f’Jannar tas-sena li għaddiet, l-Agenzija għas-Servizzi tal-Qorti għamlet ukoll sejħa għall-proposti sabiex jiġi identifikat post alternattiv għall-Qorti ta’ Għawdex imma ħadd ma jaf x’ġara. U jidher li ma ġiex identifikat xi sit partikulari li jista’ jaqdi l-funzjoni ta’ binja tal-Qorti.
Fl-istqarrija, ‘Avukati Għawdex’ urew dispjaċir li sit f’post ċentrali fir-Rabat, Għawdex, li kien ġie identifikat għall-bini tal-Qorti f’Għawdex, issa se jiġi żviluppat biss bħala parkeġġ. Dan meta l-proposta oriġinali kienet ukoll tinkludi faċilitajiet estensivi ta’ parkeġġ.
Għaldaqstant, Avukati Għawdex qed jinsistu sabiex l-awtoritajiet konċernati finalment jieħdu d-deċiżjonijiet opportuni mingħajr aktar dewmien sabiex ikun identifikat sit idonju u jattwaw il-proġett b’timeframes konkreti. Dan għaliex sit alternattiv għall-Qorti t’Għawdex ilha wegħda għal snin sħaħ; bil-Gvern jidher li sena wara l-oħra qed ikompli jabbanduna din il-wegħda.
//= $special ?>