Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri naqas milli jkun konkret u naqas milli jwieġeb mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar il-bidliet fil-Pjan Lokali ta’ Paceville fil-kuntest tal-proġett propost f’Villa Rosa u dwar dettalji fuq il-bini ta’ qorti ġdid f’Għawdex.
Fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar kien mistoqsi mix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg biex jagħti dettalji dwar il-bini ta’ qorti ġdid f’Għawdex; liema qort ilu jkun imwiegħed mill-gvern Laburista sa mill-213 iżda għadu biss fuq il-karti.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-proċess għall-bini ta’ qorti ġdid f’Għawdex beda ftit xhur ilu meta saret espressjoni ta’ interess mill-aġenzija tal-qorti. Hu qal li hemm numru ta’ sottomissjonijiet biex jingħażel il-post fejn isr il-qorti l-ġdid u qal lid-deputat Nazzjonalista biex jistaqsi lill-ministru konċernat dwar dawn l-iżviluppi. Il-Ministru għal Għawdex żied li l-istadju tal-għażla tas-sottomissjoni dwar il-qorti l-ġdid f’Għawdex wasal fl-istadju finali tiegħu.
Ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco staqsa lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar diversi mistoqsijiet dwar il-bidliet fil-pjani għall-Pjan Lokali ta’ Paceville fil-kuntest tal-proġett propost f’Villa Rosa, u staqsieh jikkonferma jekk tressaqx memo fil-kabinet f’dan ir-rigward, meta u jekk hux se jibda proċess ta’ bidla f’dan il-pjan lokal, jekk hux se jiżdied il-kobor ta’ żvilupp f’Villa Rosa u jekk hux konxju li dan it-tibdil hux se jsir bla konsultazzjoni.
Il-Ministru għal Għawdex qal li ma setax jikkummenta fuq diskussjonijiet fil-kabinet u spjega biss il-mod kif isir il-proċess fejn qal li l-ewwel tinfetaħ konsultazzjoni pubblika dwar il-prinċipji fil-pjan lokali biex wara ssir analiżi mill-Awtorità tal-Ippjanar. Wara dan, il-ministru jiddeċiedi jridx jagħmel bidliet fil-pjan, fejn jekk isir dan jerġgħu jibdew sitt ġimgħat oħra. Sadattant tibda diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari li jitratta dawn il-bidliet fil-pjani lokali. S’issa dan il-proċess għadu ma bediex, sostna l-Ministru għal Għawdex.
//= $special ?>