Il-Partit Nazzjonalista huwa favur li ssir riforma sħiħa dwar xi jsir mir-rapporti ta’ inkjesti maġisterjali (imsejħa l-proċessi verbali) li jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali mill-Maġistrat Inkwirenti f’każi ta’ mwiet mhux naturali.
Il-PN jisħaq li għandha tkun biss l-eċċezzjoni u mhux ir-regola li r-rapporti ta’ inkjesti maġisterjali ma jingħatawx lill-familjari leġittimi tal-vittma. Huwa nuqqas kbir ta’ rispett u sensittività li l-Avukat Ġenerali jitlob il-ħlas ta’ miżata biex il-familjari tal-vittma jingħataw kopja tar-rapport imħejji mill-Maġistrat Inkwirenti u li jkun wasal għand l-Avukat Ġenerali skont il-proċetdura stabbilita. Din hija prattika li għandha tispiċċa darba għal dejjem u l-Avukat Ġenerali m’għandha qatt tagħmel ostakli lill-familjari tal-vittmi biex isiru jafu l-verità kollha dwar il-mewt tal-għeżież tagħhom.
Ix-Shadow Minister Karol Aquilina qal fi stqarrija li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ ukoll li huwa d-dmir tal-Avukat Ġenerali li meta tirċievi rapport ta’ inkjesta maġisterjali, hija għandha minn jedda tavviċina lill-familjari tal-vittma u tipprovdilhom kopja tar-rapport imħejji mill-Maġistrat Inkwirenti u tinfurmahom dwar x’azzjoni hija beħsiebha tieħu f’dan ir-rigward. Bl-istess mod l-Avukat Ġenerali għandha dejjem tikkunsidra li tagħmel pubbliċi u mingħajr ebda ħlas dawk ir-rapporti ta’ inkjesti maġisterjali li minnhom jirriżulta tagħrif li jista’ jgħin biex jiġu evitati mwiet u diżgrazzji oħra.
Kif qalet tant tajjeb Isabelle Bonnici, ir-rapport tal-inkjesti maġisterjali huma sors kbir ta’ informazzjoni li jista’ jgħin biex jitjiebu l-prattiċi fil-postijiet tax-xogħol, iżda mhux biss u li permezz tagħhom is-sistemi adottati f’pajjiżna jistgħu jitjiebu u jiġu evitati mwiet u diżgrazzji oħra.
Il-Partit Nazzjonalista huwa wkoll favur li jsir it-tibdil meħtieġ fil-liġijiet ta’ pajjiżna sabiex bis-saħħa tal-liġi, il-Maġistrat Inkwirenti mhux biss ikollu d-dritt iżda d-dover li jżomm lill-familjari tal-vittma infurmati bl-andament tal-inkjesta u dan bis-salvagwardji legali kollha meħtieġa skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illum għamel kuntatt ma’ Isabelle Bonnici u esprima l-qbil tal-PN favur il-prinċipju li jkun hemm aktar trasparenza, kif ukoll li ma għandux ikun hemm talbiet għall-ħlas ta’ miżati f’ċirkostanzi bħal dawn. Bernard Grech se jkun qed jiltaqa’ ma’ omm Jean Paul Sofia fil-jiem li ġejjin biex ikomplu jiddiskutu t-talbiet tagħha.
//= $special ?>