Raġel ta’ 38 sena mill-Ħamrun ingħata l-pleġġ wara li ġie mixli li stupra lill-eks sieħba tiegħu. Christian Tanti ġie mixli quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, mill-ispettur mit-Taqsima ta’ kontra l-vjolenza domestika. Huwa qal fil-Qorti li l-eks sieħba ta’ Tanti rrapurtatu wara li qalet li bagħtilha xi messaġġi ta’ theddid.
Madankollu l-istorja kibret meta l-mara sarilha risk assessment mal-psikologi u stqarret magħhom li sfat ukoll stuprata minn Tanti. Il-Pulizija infurmat lill-Qorti li l-mara ġiet eżaminata minn tabib u ġinekologu fl-Isptar Mater Dei.
Il-prosekuzzjoni rrimarkat li l-inkjesta għadha miftuħa u għad m’għandix ir-riżultati fil-pusses tagħha dwar dak li allegatament sabu t-tobba. Tanti wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono, talbet għal ħelsien mill-arrest u qalet li r-raġel m’għandux kondotta li toħloq alarm.
Saħaq ukoll li l-koppja kellhom relazzjoni ta’ disa’ xhur u sa ġimagħtejn ilu l-mara kienet tqila bit-tarbija tiegħu. Id-difiża qalet ukoll li hemm messaġġi li juru prova ċara, iswed fuq l-abjad, li l-att sesswali twettaq bil-kunsens tal-mara wara li marret minn jhedda f’daru.
Il-prosekuzzjoni ma qablitx li l-mara kienet tqila u li għad trid tixhed. Ingħad ukoll li l-biża’ ta’ intraċċ ta’ provi hija waħda reali għaliex omm l-akkużat avviċinat lill-vittma u talbitha taħfirlu. L-avukat tal-vittma Mario Mifsud qal li l-akkużi huma serji u li r-raġel kisser u għamel ħsara fl-appartament tal-mara.
Il-Qorti laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest għaliex il-mara xehdet diġà fl-inkjesta maġisterjali. L-imputat tqiegħed taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma kuljum fl-għassa tal-Marsa, jiddepożita €7,000 u garanzija ta’ €10,000.
Il-Maġistrat Critien ħarget ordni ta’ protezzjoni favur il-mara u l-familjari tagħha.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Colin Sheldon flimkien mal-Avukat Jurgen Dalli f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>