Lokali

‘Kuraġġ’ – Kunċert li se joffri raġġ ta’ tama għal min qed jaffaċċja l-mard

Kunċert ispirat mill-istejjer ta’ persuni li ġġieldu u rebħu l-battalja kontra l-mard. Kunċert li se joffri raġġ ta’ tama lil dawk kollha li se jattendu u li se jkun l-ewwel kunċert tax-xorta tiegħu bl-isem ‘Kuraġġ’.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu fil-Palazz ta’ Sant Anton, ġie spjegat kif dan il-kunċert sar possibbli permezz ta’ stejjer ta’ diversi pazjenti; kemm dawk li għelbu l-marda tagħhom kif ukoll dawk li għadhom qed jikkumbattu l-marda.

Id-Direttur Mużikali Daniel Cauchi spjega kif dan il-kunċert sar reali wara li marru jżuru l-pazjenti u semgħu dak li kellhom xi jgħidu. Huwa qal li dan il-kunċert għandu jservi bħala messaġġ ta’ pożittività iżda fl-istess waqt se jservi ta’ tribute għal dawk in-nies li mietu matul is-snin.

Minn naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku Yanis Azzopardi qal li ilhom jippreparaw għal dan il-kunċert għal diversi xhur bil-għan li jitwassal il-messaġġ tal-pazjenti. Huwa sostna li permezz ta’ dan il-kunċert wieħed se jara l-istejjer tal-pazjenti minn lenti differenti.

Sina Bugeja, Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, saħqet li l-impjegati u l-voluntieri tagħhom dejjem qed jaħdmu qalb in-nies bil-għan li jkunu ta’ assistenza għal kull min għandu bżonn.

Minn naħa tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono tkellmet fuq l-importanza li dawk li qed jikkumbattu marda jingħataw is-sapport kollu meħtieġ filwaqt li spjegat ma’ Net News l-importanza tal-kuncert li se jsir ix-xahar id-dieħel.

Apparti minn hekk, il-President irringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità tiegħu u spejgat kif il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund ma tieqaf qatt.

Il-kunċert ‘Kuraġġ’ se jsir fit-8 u fl-10 ta’ Novembru li ġej fit-Teatru tas-Salesjani, f’Tas-Sliema, bis-sehem ta’ diversi personalitajiet Maltin.