Lokali

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien fil-bżonn ta’ investiment

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien fil-bżonn ta’ investiment. Dan qalu David Galea, li kien membru tal-kumitat ta’ tmexxija li ħa ħsieb il-konċessjoni tal-isptarijiet. Meta kien mistoqsi dwar ir-raġuni għaliex il-Malta Enterprise kienet qed tfittex investimenti għas-settur tas-saħħa, Galea stqarr li storikament, Malta dejjem kellha affinità mill-qrib mal-kura tas-saħħa u l-ospitalità.

Huwa kien qed jixhed dwar il-każ tan-negozjant Pakistani Shaukat Ali u martu, Shaukat Aasia Parveen dwar il-każ Vitals, b’rabta ma’ akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. B’mod speċifiku Galea qal li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien fil-bżonn ta’ investiment, u żied jgħid ukoll li kull investiment fi sptar huwa wieħed meħtieġ.

Galea spjega kif ġie ffurmat il-kumitat, filwaqt li ta dettalji dwar il-proċess ta’ kif il-kumitat ta’ tmexxija ddiskuta s-servizzi li kellhom jiġu pprovduti, il-proċess ta’ kostruzzjoni, it-terminazzjoni tal-ftehim, u r-riinvestiment tal-assi.

Aktar tard fil-proċediment, David Galea, ipprovda għarfien dwar ir-rwol tal-kumitat, u qal li kien iddiskuta s-servizzi li għandhom jingħataw u t-terminazzjoni eventwali tal-ftehim. Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise fiż-żmien tal-ftehim tal-Vitals, kien ukoll fost ix-xhieda fil-kontinwazzjoni tal-lum dwar il-każ tan-negozjant Pakistani Shaukat Ali u martu, Shaukat Aasia Parveen fejn il-koppja qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus, frodi, tixħim, u korruzzjoni.

L-Eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Mario Galea, ħa l-post tax-xhieda. Spjega r-rwol tiegħu biex jattira investimenti barranin, speċifikament jiffoka fuq l-interess ta’ Vitals Global Healthcare f’Malta. Galea spjega li l-Malta Enterprise wettqet studji biex tiddetermina liema tipi ta’ kumpaniji kienu se jibbenefikaw Malta, filwaqt li enfasizza li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jeħtieġ investiment.

L-avukati difensuri kienu l-avukati Shazoo Ghaznavi u Jessica Formosa.

Is-serqa tal-isptarijiet konfermata minn żewġ Qrati Maltin, wasslet biex persuni bħall-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, Mizzi, l-Eks Viċi Prim Ministru Chris Fearne, l-Eks Ministru Konrad Mizzi, l-Eks Ministru Edward Scicluna, l-Eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, u ħafna oħrajn qed jiffaċċjaw akkużi multipli, fosthom ħasil ta’ flus, frodi, konfoffa, aċċettazzjoni ta’ tixħim u korruzzjoni f’karigi pubbliċi, solleċitazzjoni ta’ tixħim u abbuż ta’ kariga fil-konfront ta’ Schembri.

Akkużati oħra fost oħrajn huma Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, li qed jiġu akkużati li għenu lil Muscat jaċċetta tixħim. David Joseph Meli, li jirrappreżenta lil Steward Malta Management Ltd, qed jiffaċċja akkużi li kkorrompa uffiċjali pubbliċi.

Persuni oħra, inkluż l-IT manager ta’ Steward Clarence John Conger-Thompson u l-awditur Christopher Spiteri, huma akkużati b’diversi reati relatati mat-tixħim u dikjarazzjonijiet foloz. Magħhom hemm akkużat ukoll fost oħrajn Adrian Hillman.