Ikomplu l-ispekulazzjonijiet dwar x’jista’ jkun qiegħed jiġri fil-futur mill-HSBC Bank Malta fl-isfond ta’ interessi li jinxtara mill-APS Bank.
“Kif jista’ jkun li l-ħuta ż-żgħira tibla’ lill-ħuta l-kbira?” kien il-messaġġ dirett ta’ numru ta’ ħaddiema tal-HSBC Bank Malta li f’nofs din il-ġimgħa tkellmu ma’ Il-Mument dwar il-futur imċajpar tagħhom hekk kif reċentement ħarġet l-aħbar li għaddejjin negozjati fuq livell internazzjonali biex l-APS Bank jixtri l-HSBC Bank Malta.
Dawn il-ħaddiema qalulna li huma jinsabu f’għama totali dwar x’se jkun qiegħed jiġri fil-futur tagħhom għaliex l-HSBC mhux jikkomunika magħhom u milli jidher qiegħed jikkomunika mill-inqas possibbli mar-rappreżentanta tagħhom il-Malta Union of Bank Employees (MUBE).
Li jafu hu li xi forma ta’ negozjati bejn it-tmexxija internazzjonali tal-HSBC u l-APS għaddejjin, iżda anki fuq livell lokali, it-tmexxija tal-HSBC f’Malta hi eskluża min-negozjati.
Jirriżulta wkoll mill-informazzjoni, li dawn il-ħaddiema kisbu li kemm-il darba l-APS Bank tassew hu interessat li jikber daqstant u jixtri lill-HSBC Bank Malta, allura warajh hemm xi imprenditur ferm akbar biex isostni dan ix-xiri.
Dawn l-impjegati qalulna li hu stat ta’ fatt li d-deċiżjoni fuq livell internazzjonali tal-Bank hi li l-HSBC wasallu ż-żmien li jagħlaq il-kapitlu tiegħu f’pajjiżna u għalhekk itemm l-operat tiegħu f’Malta.
Aħbar f’dan is-sens kienet inħarġet ftit tax-xhur ilu meta l-HSBC Global kien ħabbar li qed iwarrab is-swieq tal-Punent fosthom l-Istati Uniti, Franza u l-Kanada, biex jiffoka l-ħidma tiegħu f’reġjuni Asjatiċi li jirrendu aktar profitt.
F’Novembru 2022, l-HSBC laħaq ftehim mar-Royal Bank tal-Kanada għal £8.4 biljun meta beda jiffoka l-ħidma tiegħu fis-suq Ċiniż.
Imbagħad, l-aħbar tal-11 ta’ Settembru li għadda meta l-korporazzjoni li tmexxi l-HSBC qalet li se tkun qed “tirrevedi” l-ishma tagħha fl-HSBC ta’ Malta.
Dakinhar fi stqarrija qasira kien intqal li HSBC Holdings plc infurmat il-Bord tad-Diretturi li se tkun qed tirrevedi is-70.03% tal-ishma indiretti tagħha fl-HSBC Bank Malta.
L-HSBC qal li jirrikonoxxi “r-rwol importanti li jilgħab fl-ekonomija u s-soċjetà ta’ Malta” iżda li se jagħmel din it-tħabbira skont l-obbligi tas-suq u biex jappoġġja l-iffunzjonar tas-suq pubbliku.
“Il-Bank se jagħmel aktar avviżi meta jkun hemm bżonn”, kienet ikkonkludiet l-istqarrija u dan fl-isfond li matul din is-sena biss l-HSBC għalaq l-operat tiegħu fl-Arġentina, fl-Armenja, fil-Kanada, fir-Russja u fil-Mauritius.
Ta’ min ifakkar li fil-bidu ta’ din is-sena, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta f’intervista kien qal li mhuwiex ippjanat li l-HSBC iħalli s-suq Malti!
Dan wara li l-HSBC kien ħabbar li se jagħlaq il-call centre tiegħu fis-Swatar u jħalli mal-mitejn persuna bla xogħol għalkemm dawn il-ħaddiema, eventwalment, ingħataw impjieg alternattiv.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu mbagħad immaturat l-aħbar li l-Bank HSBC bħalissa jinsab f’negozjati mal-Bank APS bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-futur tal-HSBC f’Malta.
Kollox jindika li kien l-HSBC Global li avviċina lill-APS Bank u skattaw in-negozjati għall-bejgħ li issa jinsabu fi stadju avvanzat.
Dwar dan l-aspett tan-negozjati, sorsi infurmati mitkellma minn Il-Mument qalulna li l-probabbiltà l-kbira hi li la l-Prim Ministru Robert Abela u anqas il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ma kienu konxji minn dawn in-negozjati bejn iż-żewġ Banek.
Sadattant, fil-jiem li għaddew reazzjoni mill-APS Bank li fi stqarrija qal li kull azzjoni u dealing li jwettaq timxi skont l-istandards tal-governanza tajba u l-obbligi regolatorji tagħha.
APS Bank qal dan bħala reazzjoni għal bosta rapporti fil-midja li jikkonċernaw il-possibbiltà li l-HSBC Global jirtira mis-suq Malti u jbigħ l-ishma tiegħu minn HSBC Malta.
Fl-isfond ta’ dawn in-negozjati bejn iż-żewġ Banek, min-naħa tagħha l-Arċidjoċesi ta’ Malta ddikjarat li għandha fiduċja totali fil-Bord u t-Tmexxija tal-APS Bank li huma involuti f’dawn in-negozjati.
//= $special ?>