Internazzjonali

Min għandu l-ikbar ċans li jmexxi l-Amerka – Harris jew Trump?

Fil-5 ta’ Novembru, l-Amerikani mistennija jivvutaw sabiex jeleġġu dik il-persuna li se tkun il-President tagħhom għas-snin li ġejjin.

Fit-tellieqa għas-siġġu Presidenzjali hemm il-Viċi President Kamala Harris u l-Eks President Amerikan, Donald Trump.

L-elezzjoni oriġinarjament bdiet f’tellieqa bejn Trump u Joe Biden iżda dan tal-aħħar waqqaf il-kampanja tiegħu wara li kien qal li hu obbligu tiegħu lejn pajjiżu li ma jikkontestax. Dan wara sensiela ta’ mumenti fejn Biden deher iħawwad fi kliemu, b’appelli kontinwi sabiex ma jikkontestax mill-ġdid.

Biex issa, Biden qed jappoġġja lill-Viċi President tiegħu għal din l-elezzjoni li ġejja.

Bil-mistoqsija issa tkun – min kapaċi jkun il-President tal-Amerikani?

Stħarriġ li sar fost l-Amerikani juri li hemm distakk żgħir ta’ madwar 3%, fejn Kamala Harris qed tgawdi minn 49% tal-appoġġ tal-votanti, filwaqt li Donald Trump għandu l-appoġġ ta’ 46%.

Jirriżulta li Harris qed tgawdi minn maġġoranza f’Nevada, Wisconsin, Pennsylvania u Michigan, filwaqt li Trump għandu maġġoranza f’Georgia, North Carolina u Arizona.