Lokali Parlament

Nuqqas ta’ investiment fil-Pulizija, għases magħluqa u Kummissarju li jwettaq policies tal-PL


Darren Carabott,PN


Ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott, sostna li s-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija hi waħda li fiha hemm nuqqas ta’ investiment, għases magħluqa u Kummissarju li ddikjara li jrid iwettaq il-policies fil-manifest elettorali tal-PL.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar emendi għall-Kodiċi Kriminali, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott qal li jeħtieġ li l-Parlament ikun vuċi waħda dwar l-ordni u l-infurzar fil-pajjiż.
Hu qal li l-Gvern Laburista ma jirrikonoxxix dak li wettqu gvernijiet Nazzjonalista dwar il-Pulizija u sostna li l-fatti huma li l-emendi proposti 10 snin ilu mill-PN ma kinux implimentati mill-Gvern Laburista ħlief issa wara dak li ġara fil-Ħamrun.

Il-Gvern Laburista ma ħax l-azzjonijiet qabel u ma ħax il-prekawzjonijiet meta quddiemu, fl-2013, kellu proposti tal-Oppożizzjoni. Kien hemm anki deputati Laburista li fl-2013 kienu tkellmu kontra l-proposti li llum il-gvern Laburista qed idaħħal.

Id-deputat Nazzjonalista enfasizza l-importanza li min ikun se jwettaq reat kriminali jkun konxju li se jinqabad u qal li jrid ikun il-gvern li jibgħat messaġġ li l-kriminali se jinqabdu. Għalhekk, il-persuni li jmexxu dawn l-awtoritajiet ma jħarsux ir-responsabbiltajiet li għandhom lejn il-poplu.

Darren Carabott qal li l-emendi li qed iressaq il-gvern huma reazzjoni għall-attakki li saru fuq żewġ pulizija fil-Ħamrun u sostna l-PN hu impenjat li l-azzjonijiet ikunu immedjati.

Dwar il-preżenza tal-Korp tal-Pulizija, Darren Carabott qal li l-PN m’għandux fiduċja f’Kummissarju tal-Pulizija li jissodisfa t-talbiet politiċi partiġjana iktar mir-responsabbiltà, l-infurzar u l-applikazzjoni tal-liġi ma’ kulħadd l-istess.

Hu kkritika d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija meta qal li xogħol il-Kummissarju tal-Pulizija hu li jwettaq il-policies fil-manifest elettorali tal-PL.

Ir-responsabbiltà għas-sitwazzjoni preżenti għandha tinġarr ukoll mill-politiċi, sostna Darren Carabott, li kompla li l-gvern għandu jispjega kif fil-Korp tal-Pulizija llum m’hemmx pulizija biżżejjed biex l-għases tal-pulizija jkunu miftuħin.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż għandu bżonn juri li l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija tkun okkupata minn persuna serja li jwettaq investigazzjonijiet meħtieġa. Illum, il-Kummissarju għamel offiża meta qal li l-funzjoni tal-Korp tal-Pulizija hi li jwettaq il-policies fil-manifest tal-Gvern Laburista. Il-Korp tal-Pulizija għandu jkollu l-viżjoni differenti tiegħu.

Darren Carabott staqsa x’azzjoni ttieħdet mill-Kummissarju dwar il-ħuta l-kbira fl-iskandlu tal-benfiċċji soċjali, fil-każ tal-għoti tal-liċenzji tas-sewqan, fl-inkjesti maġisterjali li fihom kien konfermat li l-Kummissarju ma investigax, fl-inkjesta tal-Bank Pilatus fejn maġistrat sab konklużjonjiet biex jitressqu persuni iżda l-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali ma ressaqx. Il-pajjiż għandu Kummissarju li qal li kienet persuna maqtula li rrifjutat li tagħmel analiżi tar-riskju u tefa’ r-responsabbiltà fuq il-vittma, u fil-każ tal-Electrogas.

Darren Carabott semma’ numru kbir ta’ għases tal-pulizija magħluqin bil-konsegwenza li numru kbir ta’ residenti jridu jmorru f’lokalitajiet oħrajn biex isibu għases miftuħin. Il-gvern mhux jirrikonoxxi dan il-fatt, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li minkejja li l-popolazzjoni splodiet fl-aħħar 10 snin, il-pulizija naqsu fin-numru.

Hemm ukoll problemi f’sezzjonijiet differenti fil-Korp tal-Pulizija anki quddiem sitwazzjoni li fiha r-reati saru iktar kumplikati.

Darren Carabott qal li kien hemm żieda kbira fir-reati ta’ ħasil ta’ flus li rdoppjaw iżda fil-Pulizija ma sarx l-investiment meħtieġ. Hu tkellem dwar il-Pulizija tal-Komunità u appella biex ikun hemm linja ċara dwar il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-funzjonijiet tal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. M’għandhomx jiżżarmaw l-għases tal-pulizija minħabba l-Pulizija tal-Komunità. Il-PN jemmen li l-għases tal-pulizija u l-Pulizija tal-Komunità huma distinti.

Ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott qal li hemm l-istess problema ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni fir-responsabbiltajiet dwar it-traffiku.