Lokali

Pressjoni biex Steve Ellul iwarrab minnufih

Il-kandidat Laburista Steve Ellul baqa’ l-art fl-aħħar elezzjoni tal-MEPs. Ta’ Muscat ħadmu kontrih. Iżda Robert Abela – wara l-falliment fl-elezzjoni – xorta premjah b’kariga ġdida, u pakkett ta’ xejn anqas minn €128,000.

Illum fil-fatt, Steve Ellul qed imexxi Infrastructure Malta. Ilu mis-sajf bħala CEO ta’ din l-entità governattiva li tieħu ħsieb, fost l-oħrajn, il-bini tat-toroq. Iżda r-riżultati xejn mhuma inkoraġġanti.

Tant hu hekk, li minn kemm ilu Kap Eżekuttiv, it-traffiku mhux ittaffa, imma kompla jisplodi – f’kull ħin tal-ġurnata.

Issa, il-klikka ta’ Joseph Muscat trid ittajjarlu rasu. U nies bħal Neville Gafà qed jagħmlu minn kollox biex ma jibqax mas-saqajn. B’Gafà nnifsu jgħidlu “warrab minnufih”… filwaqt li semma’ kemm kienet irresponsabbli l-manuvra tal-Gvern li ma qalx eżatt kemm saru toroq fl-aħħar seba’ snin. Mossa mfissra bħala “arroganza” u turija ta’ “falliment totali”.

Din kienet wegħda ewlenija tal-Labour fil-kampanja tal-2017. Iżda huwa fatt magħruf, li Ministru wara l-ieħor ma rnexxielhomx jibnu t-toroq kollha kif kien imwiegħed f’dak il-manifest elettorali.

Dan apparti li l-ftit xogħol li sar, sar bla pjan u b’inkonvenjent kbir għar-residenti f’diversi lokalitajiet.

Intant, l-istess Neville Gafà fakkar li Infrastructure Malta taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Chris Bonett, li xejn ma jinżel tajjeb mal-klikka ta’ Muscat u li huwa wieħed mill-favoriti ta’ Robert Abela.