Lokali Parlament

Urġenza li terġa’ tinfetaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar appella fil-Parlament biex b’mod urġenti terġa’ tinfetaħ l-Għassa tal-Mellieħa.

Robert Cutajar qal li kien il-Gvern Laburista li attakka l-istituzzjonijiet b’attakki fuq il-ġudikatura. Dan filwaqt li kien l-istess gvern li taħtu nbidlu ħames Kummissarji tal-Pulizija, sostna Robert Cutajar li qal li minkejja dak li jgħid il-gvern, finalment il-Kummissarju għadu jingħażel mill-gvern. Hu tkellem dwar l-importanza tal-kundizzjonijiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija u qal li hemm dimotivazzjoni f’taqsimiet diversi fil-Korp tal-Pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex it-taħriġ tal-pulizija jkun aġġornat, biex tingħata importanza lis-saħħa mentali tal-pulizija, biex ma jkunx hemm nuqqasijiet ta’ vetturi fl-RIU u biex jinfetħu l-għases tal-pulizija magħluqa. Hu staqsa jekk hux se jingħaqdu d-distretti bħal dawk tal-Belt u l-Ħamrun, jekk hux minnu li m’hemmx supretendenti f’ċertu lokalitajiet u x’koordinament bejn diversi awtoritajiet fosthom Transport Malta, il-LESA u l-Pulizija tat-Traffiku. Robert Cutajar qal li fit-toroq hawn nuqqas kbir ta’ koordinazzjoni partikolarment meta jkunu qed isiru x-xogħlijiet.

Meta tkellem dwar l-għases tal-pulizija, Robert Cutajar appella biex l-Għassa tal-Pulizija fil-Mellieħa terġa’ tinfetaħ. Illum hawn qbil li din l-Għassa tinfetaħ, sostna Robert Cutajar, li kompla li r-residenti tal-Mellieħa jridu jmorru l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra minħabba li l-Għassa tal-Puliizija tal-Mellieħa hi magħluqa. Robert Cutajar qal li jittama li l-Uffiċċju għall-Informazzjoni tat-Turisti u l-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa ma jkunux konvertiti f’post li jintuża għall-imwejjed u s-siġġijiet.