Kunsilli Lokali Lokali

11-il sena wara s-suppost nefqa ta’ €700 miljun fit-toroq spiċċajna agħar milli konna – bil-problema tat-traffiku tikber ma’ kullimkien – PN

Il-kaos fir-roundabout ta’ Ħal Qormi huwa xhieda tal-falliment tal-Gvern fl-immaniġġjar tat-traffiku

Il-Gvern falla fl-isfida tal-immaniġġjar tat-toroq, u llum ninsabu agħar milli qatt konna, bil-problema tat-traffiku tikber ma’ kullimkien.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet biswit ir-roundabout ta’ ħdejn il-Monument tal-Vittmi tal-Gwerra f’Ħal Qormi, il-Partit Nazzjonalista spjega kif il-kaos li qed ikun hemm ta’ kuljum ma’ din ir-roundabout huwa xhieda ta’ dan il-falliment min-naħa tal-Gvern u tal-Ministru responsabbli mit-trasport Chris Bonett, li bħal ta’ qablu, ma għandu l-ebda idea kif se jsolvi din il-problema li qed teffettwa l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Is-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbilità Mark Anthony Sammut qal li wara sajf li fih it-toroq ta’ maġenb din ir-roundabout kienu magħluqa, kemm biex isiru xogħlijiet mill-Enemalta u iżjed tard ukoll biex skont il-Gvern isiru interventi li jnaqqsu l-problema tat-traffiku f’din il-junction, ir-realtà hi li l-problema iggravat u mhux marret għall-aħjar.

Din mhix xi ħaġa li ġrat f’din iz-zona biss, u n-nies qed iħossu l-problema tat-traffiku qiegħda tikber ma’ kullimkien.

Minkejja nefqa ta’ €700 miljun li l-Gvern kien qal li se twassal biex jonqsu l-emisjonijiet u jonqos il-ħin li nqattgħu fit-traffiku, 11-il sena wara spiċċajna agħar milli konna. Dan għaliex fi 11-il sena ftit li xejn sar biex tiġi indirizzata din il-problema u jonqos in-numru ta’ karozzi fit-toroq.

Ma sarx titjib biżżejjed fis-sistema tat-trasport pubbliku, li għalkemm hi b’xejn in-nies għadhom ma jistgħux iserrħu fuqha għax ikun hemm diversi okkażjonijiet fejn karozza tal-linja ma toħroġx, jew il-karozzi li jgħaddu jkunu mimlija.

U minkejja l-ħafna wegħdi u stqarrijiet li l-Partit Laburista għandu kollox ippjanat, kulma rajna kienet nefqa ta’ miljuni fuq tinda li ntużat biss biex tħabbar pjan ta’ metrò, mentri fil-prattika ma sarx pass wieħed biex ikollna sistema ta’ trasport tal-massa veloċi u effiċjenti.

Is-Shadow Minister għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Joe Giglio qal li minkejja li l-Gvern jiftaħar li għamel 1,315-il triq, mhux kapaċi jgħid liema huma.

Dan juri n-nuqqas ta’ kordinament li hemm fit-twettiq ta’ dawn il-proġetti, li hu evidenti anke min-nuqqas ta’ kordinament fl-immaniġġjar tat-traffiku meta jingħalqu t-toroq għax-xogħlijiet u mill-fatt li toroq li jsiru ġodda jispiċċaw jerġgħu jinqalgħu wara ftit biex jiġu mgħoddija servizzi oħra, għax ma jkunx sar l-ippjanar neċessarju.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kunsillieri tal-PN f’Ħal Qormi mmexxija mill-Minority Leader Ralph Puli, li qal li l-Qriema ilhom isofru minħabba traffiku żejjed għal ħafna żmien. Ħal Qormi sfortunatament qed iservi ta’ bypass, bit-traffiku jiżdied bil-minuti, u bil-Qriema jispiċċaw jaħlu ħafna ħin sempliċiment biex joħorġu mir-raħal tagħhom.

Min-naħa tagħhom, id-Deputati tad-distrett Jerome Caruana Cilia u Ryan Callus qalu li jsir xi jsir biex tiġi indirizzata l-problema tat-traffiku, jekk mhux se jinbidel il-mudell ekonomiku biex niddependu inqas fuq l-influss tal-barranin u tkabbir tal-popolazzjoni, il-problema se tibqa’ tikber. Din il-junction f’Ħal Qormi ilha tfalli għal snin twal – sar żvilupp ġdid fil-madwar li żied il-pressjoni fuqha, iżda kulma rajna kienu interventi kożmetiċi li ma ġabux titjib fit-traffiku. Din ir-roundabout hija riflessioni tal-inkompetenza tal-Gvern f’dan is-settur. L-alternattivi tat-transport tal-massa u titjib infrastrutturali jeħtieġu investiment maġġuri, mhux tibdil kożmetiku kif qed naraw hawnhekk.

Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar biex tiġi indirizzata din il-problema, billi fost l-oħrajn jaħdem fuq sistema effiċjenti ta’ rapid mass transit, isaħħaħ u jtejjeb it-trasport pubbliku, iżid l-infrastruttura u l-inċentivi biex iħeġġeġ l-użu tar-rota, tal-muturi u tal-mixi f’distanzi qosra, u jinċentiva r-remote working.