Lokali

IT-TNEJN L-ISWED: Bħal-lum 45 għexna waħda mill-aktar ġrajjiet koroh fl-istorja ta’ Malta

Kitba u riċerka ta' Victor Camilleri

Jista’ jkun hawn min jikkummenta li m’għadux opportun li titfakkar ġrajja ta’ 45 sena ilu meta donnu l-vjolenza politika m’għadhiex theddida f’pajjiżna u meta l-protagonisti ta’ dak l-episodju jew m’għadhomx magħna jew m’għadhomx fil-ħajja pubblika.

L-argument li jrid isir, iżda, hu li l-inċidenti gravi li seħħew f’dak li baqa’ magħruf bħala t-Tnejn l-Iswed wasslu għal “waħda mill-aktar ġranet koroh fl-istorja ta’ pajjiżna” – kif jistqarr il-Prof. Oliver Friggieri fil-ktieb tiegħu ‘Fjuri li ma jinxfux’ – u wkoll li bħala riżultat dirett ta’ dak li kien ġara, seħħ rinaxximent politiku f’Malta u l-Partit Nazzjonalista reġa’ beda jkun meqjus minn maġġoranza tal-Maltin bħala soluzzjoni f’waqtha għas-sitwazzjoni prekarja li pajjiżna kien jinsab fiha.

F’dan l-anniversarju ħassejt li jkun xieraq li dwar dak li seħħ fil-15 ta’ Ottubru 1979, nagħtu ħarsa ħafifa lejn dak li kitbu persunaġġi li għexu dawk l-inċidenti, rawhom mill-qrib, jew ħallew testimonjanzi bil-miktub biex il-ġenerazzjonijiet ta’ wara jkollhom stampa realistika tal-gravità ta’ dak li seħħ dakinhar.

Barra l-politiċi – Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, u Ugo Mifsud Bonnici – għandna wkoll il-verżjoni tal-fatti skont l-istoriku l-Prof. Joseph M. Pirotta, għaliex b’hekk tkun qed tingħata stampa oġġettiva ta’ din il-ġrajja sfortunata fl-istorja ta’ pajjiżna.

Nibqgħu nfakkru dan l-anniversarju, fuq kollox, għaliex hu eżempju ħaj u tanġibbli ta’ dak li jista’ jiġri meta f’moħħ xi sezzjoni tal-popli tidħol il-konvinzjoni li l-ħażin jista’ jsir u mbagħad ma jiġri xejn u ħadd ma jħallas ta’ għemilu… li f’pajjizna jkun hemm min jaħseb li jgawdi minn impunità garantita lilu.

IT-TNEJN L-ISWED kien weġġa’, litteralment, lin-nies. Iżda fl-istess ħin immarka qawmien storiku fost il-poplu. Nitgħallmu minnu u nġeddu d-determinazzjoni li ma nħallu lil ħadd jerġa’ jgħaddi lil pajjiżna minn ġrajjiet simili.

IL-PROTAGONIST

Issaħħaħna biex niddefendu d-demokrazija – Eddie Fenech Adami

 Fl-awtobijografija ‘Eddie – My Journey’ Eddie Fenech Adami jirriserva kapitlu sħiħ għal din il-ġrajja li żgur kellha riperkussjonijiet mhux żgħar fuqu, u fuq il-familja tiegħu.

F’din il-kitba, barra li jagħti dettalji preċiżi ta’ kif seħħew l-inċidenti, jiġbed ukoll konklużjonijiet politiċi ta’ importanza u rilevanza qawwija.

Eddie Fenech Adami, testwalment jgħid hekk: “It-Tnejn l-Iswed irriżulta li kien żball politiku terribbli mill-Partit Laburista. L-Istorja turi li l-ebda mexxej ta’ gvern jew reġim ma jirnexxilu jibqa’ minn fuq meta l-istat jippermetti l-vjolenza. Jien kont argumentajt li jekk Mintoff ried li l-Labour jibqa’ b’saħħtu, hu kellu l-obbligu li jelimina dak l-element vjolenti darba għal dejjem… iżda qatt ma għamlu.

Hu temm dan il-kapitlu hekk: “Din il-ġrajja, madankollu, sa ċertu punt għenitna għaliex il-popolarità tiegħi żdiedet enormement wara l-15 ta’ Ottubru, 1979. Għalkemm fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1976 jien kont ġibt l-akbar numru ta’ voti wara Mintoff u Borg Olivier u kelli appoġġ qawwi fil-partit tiegħi, nies oħra li sa dak iż-żmien kienu għadhom ma ddeċidewx, issa ddeċidew. It-Tnejn l-Iswed ikkonsolida l-pożizzjoni tiegħi bħala l-Kap waqt li l-Partit Nazzjonalista wkoll avvanza fl-appoġġ fost il-poplu u kien issa ġie f’qagħda li tabilħaqq jiddefendi d-demokrazija f’pajjiżna.

Eddie Fenech Adami jsemmi wkoll il-mass meeting li sar fit-triq fejn id-dar tiegħu f’Birkirkara u jgħid li qabel dawk l-inċidenti, il-PN kien għamel manifestazzjonijiet iżda qatt ma kien hemm konkorrenza daqshekk kbira. Jgħid li folla enormi tat merħba lil martu Mary waqt li hu ntrefa’ fuq l-ispallejn u tlibbes girlanda ta’ ġieħ.

Kien evidenti li għal dik l-okkażjoni kien hemm nies li qatt qabel ma kienu attendew għal xi attività, b’mod speċjali persuni mill-klassi medja u mill-inħawi ta’ Tas-Sliema. Qatt qabel ma kienu jieħdu sehem fid-dibattitu dwar il-politika tal-Partit Nazzjonalista iżda li, wara dak li seħħ, daħlu fil-qalba tal-PN għaliex irrealizzaw li pajjiżna kien jinsab f’qagħda ta’ tħassib kbir.

Dan għen ukoll mil-lat finanzjarju u Fenech Adami jgħid li t-Teżorier George Bonelo du Puis dakinhar tal-meeting għamel ġabra tajba ħafna fost dawk preżenti.

L-ISTORIKU

Kriminali msaħħa minn sens ta’ impunità – Joseph M. Pirotta

Il-Professur Joseph M. Pirotta, storiku ewlieni f’pajjiżna, jirrakkonta dettaljatament dak li seħħ fil-15 ta’ Ottubru 1979 fil-ktieb tiegħu ‘L-Istorja Kostituzzjonali u l-Isfond Storiku (1942-2004)’ li jifforma parti mill-Kullana Kulturali tal-PN.

Din hi s-sekwenza, skont il-Prof. Pirotta, ta’ kif żvolġew l-inċidenti tat-Tnejn Iswed:

■ Il-15 ta’ Ottubru 1979 kien it-30 anniversarju minn meta Mintoff kien ħa post Pawlu Boffa fit-tmexxija tal-MLP u l-Labour kien se jiċċelebra b’dimostrazzjoni fil-Belt Valletta.

■ Waranofsinhar, Laburist mill-Mosta, li kellu kwistjoni dwar biċċa art, mar Kastilja determinat li jkellem lil Mintoff. Fuqu kellu pistola u baqa’ sejjer dritt sa ħdejn il-kamra fejn kien hemm Mintoff. Hu nżamm milli jidħol u spara tir lejn il-bieb. Ir-raġel kien arrestat u ttieħed l-isptar minħabba l-ġrieħi li sofra u xi swat li qala’.

■ Dan l-inċident malajr xegħel lil-Laburisti u filgħaxija, grupp ta’ madwar 200 partitarju vjolenti – “imsaħħa minn sens ta’ impunità mill-prosekuzzjoni”, kif jgħid il-Prof. Pirotta – armati b’injam u ħadid attakkaw l-ewwel il-każin Nazzjonalista tal-Belt Valletta fi Pjazza Reġina.

■ Minn hemm marru lejn il-Progress Press fejn kienet tkun stampata The Times. Taw in-nar kulma sabu quddiemhom u ħallew warajhom ħerba enormi. Fi triqithom attakkaw ukoll l-uffiċċju tal-gazzetta Il-Ħajja.

■ Il-folla vjolenti marret imbagħad Birkirkara fejn bl-aktar mod feroċi attakkat id-dar ta’ Eddie Fenech Adami, il-Kap tal-Oppożizzjoni. Hemmhekk ħabtu għal ommu anzjana, u għat-tfal tiegħu. Mary, mart Eddie, kienet qed tirritorna mill-knisja u bl-aktar herra u vjolenza ma ħallewhiex tidħol f’darha.

■ Wara l-attakk fuq id-dar tal-Kap Nazzjonalista, il-ġemgħa vjolenti attakkat ukoll il-każin Nazzjonalista ta’ Birkirkara.

■ Eddie Fenech Adami, li kien il-Parlament, insista li jkellem lil Mintoff u infurmah b’dak li kien ġara waqt li wissieh li jekk il-folla vjolenti tattakka lid-Dar Ċentrali tal-PN, kien jinqala’ inkwiet serji.

■ Il-Kap Nazzjonalista, iffaċċjat b’dik il-vjolenza, ħareġ stqarrija li fiha sejjaħ għall-kalma u biex “ħadd ma jħalli s-saħna titla’ għal rasu.”

■ Il-ġrajja tat-Tnejn l-Iswed tqanqlet fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu fejn kienet approvata riżoluzzjoni ta’ kundanna għal dak li seħħ fid-dar ta’ Fenech Adami u fl-istamperija tat-Times.