Internazzjonali

Ċekja: Irażżnu l-‘pub crawls’ fi Praga… fost l-impenn biex jattiraw ‘tip ta’ turist aktar irraffinat’

L-awtoritajiet fi Praga, il-kapitali ta’ Ċekja, qed jieħdu aktar miżuri biex iwaqqfu t-turisti fis-sakra milli jiksru l-bwon ordni — u meta huma anki qed jaħsbu biex jattiraw tip aktar irraffinat ta’ turist.

Fil-fatt, l-awtoritajiet fi Praga se jipprojbixxu l-‘pub crawls’ ta’ bil-lejl organizzati mill-aġenziji tal-ivvjaġġar u li huma popolari mal-gruppi li jsierfu għall-bachelor parties u l-hen nights….Modi ta’ divertiment komuni fejn in-nies involuti jduru minn stabbiliment tax-xorb għall-ieħor — u meta issa ġie deċiż biex il-bars fi Praga, ‘il quddiem, jagħlqu bejn l-10 ta’bil-lejl u s-sitta ta’ filgħodu.

Il-Viċi-Sindku ta’ Praga, Jiri Pospisil, qal li l-iskop ta’ dan hu biex il-kapitali ta’ Ċekja ssir magħrufa bħala post fejn kulħadd ikun jista’ jgawdi u jiddeverti bil-kwiet mingħajr ma jingħata fastidju,

Il-belt ta’ Praga mhix l-unika belt li qed tieħu l-passi biex tikkontrolla lit-turisti xi ftit imqarqċin u li fil-parti kbira jkunu ġejjin mir-Renju Unit.

Fil-fatt, il-belt Olandiża ta’ Amsterdam, is-sena l-oħra, nidiet kampanja biex tiskoraġġixxi liż-żgħażagħ milli jivvjaġġaw lejn din il-belt għad-droga u biex jikkunsmaw il-kwantitajiet kbar tal-alkoħol.