Internazzjonali

Gaza: Il-familji Palestinjani għaddejjin minn sitwazzjoni umanitarja aktar iddisprata

Is-sitwazzjoni għall-familji u eluf oħra ta’ Palestinjani residenti qalb iz-zoni tat-Tramuntana ta’ Gaza saret aktar ‘iddisprata’ – tant li dawn il-Palestinjani jinsabu f’xifer ta’ katastrofi umana.

It-twissija allarmanti ħarġet waqt li l-entitajiet ta’ fejda tan-NU wasslu l-ewwel kunsinni tal-ikel lejn dik iz-zona f’aktar minn ġimgħatejn.

IN-NU qed tikkalkula li għad hemm ‘il fuq minn 400,000 Palestinjan fit-Tramuntana ta’ Gaza, bil-kelliema għall-Organizzazzjoni ta’ pajjiżi, permezz ta’ stqarrija, jikkundannaw l-ammont enormi ta’ vittmi ċivili b’riżultat tal-battalji, fl-aħħar jiem, bejn il-militar Iżraeljan u t-terroristi tal-grupp Ħamas.

Ir-rapporti qalu li nqatlu l-mijiet tal-Palestinjani mindu l-Armata ta’ Iżrael bdiet offensiva determinata fuq iz-zoni lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza…Offensiva li fi kliem l-Iżraeljani kienet meħtieġa minħabba li l-ġellieda tal-Ħamas kienu qed jorganizzaw ruħhom mill-ġdid għall-attakki ġodda fuq l-Iżraeljani f’arthom.

U s-sitwazzjoni umanitarja f’dik iz-zona ta’ Gaza saret dejjem aktar diffiċli għar-residenti minħabba li l-offensiva wasslet għall-għeluq tal-ifran, ix-xelters u ċ-ċentri mediċi għall-familji Palestinjani…Dan waqt li l-istess familji u residenti oħrajn spiċċaw miċħuda wkoll mir-riżorsi għall-ilma li hu tajjeb għax-xorb.

Tilqim kontra l-poljo

Sadanittant, kien hemm ukoll ftit tal-aħbar pożittiv f’Gaza wara li l-Aġenzija UNRWA għar-Refuġjati Palestinjani konfermat li kważi 93,000 tfal taħt l-għaxar snin (f’Gaza) ingħataw it-tilqima kontra l-marda tal-poljo.

Iżrael u l-Ħamas qabel, kienu qablu dwar sensiela ta’ ‘pawżiet’ fil-ġlied għal diversi lokalitajiet biex il-ħaddiema mediċi jwettqu dawn il-programmi tat-tilqim…Programmi li saru urġenti wara l-ewwel każ tal-poljo ikkonfermat fil-Medda ta’ Gaza wara 25 sena.