Lokali

Għaddew 45 sena u l-Partit Laburista baqa’ ma tgħallem xejn – PN

Huwa tassew inkwetanti li, fl-anniversarju tal-attakki vjolenti fuq il-bini u l-ħaddiema tat-Times of Malta u fuq id-dar u l-familja tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-partit fil-gvern qed ikompli jikkonferma li ma tgħallem xejn minn dawn l-esperjenzi koroh li tagħhom kien protagonist.

Hekk stqarr il-PN, permezz ta’ stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Karol Aquilina u Claudette Buttigieg.

Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb serjament bl-attitudni tal-Gvern Laburista li jrid ireġġa’ l-arloġġ lura u jrid inaqqar il-libertajiet u jnaqqas id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Fost l-oħrajn, waqt l-Ewwel Forum Nazzjonali tal-Media, l-Informazzjoni u d-Demokrazija, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal ċar u tond li l-Gvern Laburista jrid jerġa’ jdaħħal il-libell kriminali biex il-ġurnalisti u kull min jesprimi ruħu jkun jista’ jintbagħat il-ħabs. Huwa ċar li l-Gvern Laburista jrid jerġa’ jdaħħal il-biża’ fost il-ġurnalisti u fost il-poplu bit-theddida tal-ħabs għal min jażżarda jiftaħ ħalqu.

Il-Gvern Laburista ma tgħallem xejn lanqas mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tant li għadu jkaxkar saqajh biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika li sabitu ħati li ħoloq l-atmosfera ta’ impunità li wasslet għall-assassinju.

Huwa ta’ tħassib ukoll li l-Gvern baqa’ ma ppubblikax il-White Paper dwar ir-riforma meħtieġa fil-liġijiet tal-media u l-informazzjoni f’pajjiżna minkejja li ilu aktar minn sena li wegħedha.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar u jirringrazzja lill-ħaddiema tat-Times of Malta li 45 sena ilu, nhar il-15 ta’ Ottubru 1979, sfaw attakkati u kellhom il-post tax-xogħol tagħhom imkisser u maħruq waqt lejl ta’ vjolenza minn kriminali Laburisti. Minkejja li kien biswit l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-bini tat-Times of Malta, il-ħaddiema u l-ġurnalisti dakinhar ma sabu lill-ebda forza tal-ordni tipproteġihom.

Il-PN ifakkar li f’dik l-istess lejla, id-dar tal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami ġiet attakkata u mkissra waqt li l-familja tiegħu ġiet terrorizzata minn ġgajta ta’ kriminali Laburisti li kienu jgawdu minn impunità sħiħa u tħallew jagħmlu li jridu.

Aħna nagħmlu kuraġġ lill-ġurnalisti u lil kull min jaħdem fis-settur tal-media f’pajjiżna biex ma jaqtax qalbu u jibqa’ jistaqsi l-mistoqsijiet diffiċli, ikompli jinvestiga u jwassal l-informazzjoni u l-verità lill-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li ma jħallix lill-Gvern Laburista jeħodna 45 sena lura u jrid jagħti lill-poplu tagħna pajjiż tassew demokratiku li fih kulħadd ikun jista’ jesprimi ruħu mingħajr biża’ u theddid.