Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sostna fil-Parlament li Il-gvern għandu obbligu li jikkonsulta mal-kooperattivi tas-sajjieda meta jitressqu liġijiet relatati mas-settur.
Robert Cutajar tkellem dwar il-kooperattivi tas-sajjieda u staqsa jekk hux qed issir il-konsultazzjoni magħhom. Fil-fatt kienet l-Oppożizzjoni li għaddiet kopja ta’ dan l-abbozz dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tas-sajd lill-kooperattivi tas-sajjieda biex tiddiskutih. Jeħtieġ li l-gvern ibiddel l-atttudni u jibda jikkonsulta mas-soċjetà.
Hu qal li l-gvern mhux jitratta tajjeb lill-kooperattivi fil-pajjiż u appella biex il-liġi tal-kooperattivi tinbidel. Din il-liġi ilha mwaqqfa mis-sena 2000, sostna Robert Cutajar, li staqsa kemm is-sajjieda se jingħataw iktar spazju. Il-PN jibża’ li l-vuċi tal-kooperattiva fil-liġi proposta mill-gvern se tonqos.
Ftit ġimgħat ilu twaqqfet NGO partikolari f’dan is-settur tas-sajjieda, spjega Robert Cutajar, li staqsa jekk kienx hemm intenzjoni negattiva wara t-twaqqif ta’ din l-NGO proprju bl-iskop li tiddgħajjef il-vuċi tal-kooperattivi tas-sajjieda.
Id-deputat Nazzjonalista staqsa jekk l-iskop wara t-twaqqif ta’ din l-NGO kienx wieħed ġenwin. L-Oppożizzjoni hi xettika dwar id-dettalji ta’ dan l-abbozz, sostna Robert Cutajar, li qal li jittama li din il-liġi tiftaħ opportunitajiet għas-sajjieda. Għalhekk għandhom jitneħħew id-dubji kollha, sostna Robert Cutajar.
//= $special ?>