Internazzjonali

Il-Kanada: Tiggrava l-kriżi mal-Indja fost tkeċċija reċiproka tad-diplomati

Ir-relazzjonijiet tal-Kanada mal-Indja qalbu sew għall-agħar fost it-tensjoni relatata mal-assassinar ta’ separatista mill-komunità tas-Sikh li kien seħħ f’Ġunju tal-2023 f’Surrey, fil-provinċja Kanadiża ta’ British Columbia.

Fil-fatt, il-Kanada u l-Indja, issa, keċċew lid-diplomatiċi ewlenin ta’ xulxin mill-pajjiżi rispettivi – b’dan il-pass qed jindika kriżi storika bejn żewġ pajjiżi li kellhom ukoll il-punti tad-diżgwid fil-passat.

Il-politiku assassinat, Hardeep Singh Nijjar, kien ibbażat il-Kanada, waqt li kien involut sew fil-Moviment ta’ Kalistan li  jippromwovi Stat tas-Sikh separatista fl-Indja. Intant, l-Indja kienet tirreferi għalih bħala ‘terrorista’ u l-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, issa qal li l-pulizija ta’ pajjiżu qed tinvestiga allegazzjonijiet li l-aġenti tal-Indja kienu involuti direttament fl-omiċidju tal-2023.

Il-Pulizija Kanadiża akkużat ukoll lill-aġenti tal-Indja dwar sehem f’aktar omiċidji u azzjonijiet vjolenti kontra s-sostenituri tal-Kalistan – bl-awtoritjiet fl-Indja jiċħdu l-allegazzjonijiet bħala ‘qarrieqa u redikoli’.

Fil-preżent hemm mawar 770,000 membru tal-komunità tas-Sikh residenti fil-Kanada…Din hi l-akbar diaspora ta’ Sikh ‘il hinn mill-Istat Indjan ta’ Punjab.