Il-Parlament illum kellu jkun sospiż għal xi ħin wara li d-deputat Laburista Rosianne Cutajar irrifjutat li tirtira allegazzjoni li għamlet fil-konfront tas-Sedja.
L-inċident inqala’ fil-bidu tal-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari meta kienet l-Oppożizzjoni li ħadet mistoqsija parlamentari supplimentari. Wara li l-Ministru għal Għawdex wieġeb din il-mistoqsija, qamet id-deputat Laburista Rosianne Cutajar u oġġezzjonat mal-Aġent Speaker David Agius għall-fatt li ma ngħatatx l-ewwel mistoqsija supplimentari u allegat li l-Ispeaker kien injoraha.
L-Aġent Speaker David Agius wieġeb lid-deputat Laburista li l-kummenti tagħha ma kinux ġustifikati għaliex fis-seduta parlamentari tal-bieraħ kienu deputati tal-Gvern li ħadu l-ewwel mistoqsija parlamentari u għalhekk, b’alternanza, fis-seduta tal-lum ħass li kellha tkun l-Oppożizzjoni li tieħu l-ewwel mistoqsija supplimentari.
Id-deputat Laburista Rosianne Cutajar kompliet toġġezzjona u topponi l-pożizzjoni tal-Ispeaker li insista biex id-deputat Laburista tirtira l-allegazzjoni li kienet ġiet injorata. Minkejja l-appell tal-Aġent Speaker, id-deputat Laburista Rosianne Cutajar baqgħet ma rtiratx il-kliem fil-konfront tal-Aġent Speaker tant li s-seduta kellha tkun sospiża.
Meta reġgħet kompliet is-seduta, kien gaħdda l-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari u għalhekk is-seduta kompliet bid-diskussjoni ta’ suġġetti oħra fuq l-aġenda.
//= $special ?>