Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid li Għawdex ikun rikonoxxut bħala reġjun

Ideat komuni li jaqsmu viżjoni favur ġejjieni fis-sod u Għawdex aħjar.

Kien dan is-sentiment li kkaratterizza l-laqgħa li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, hekk kif Bernard Grech laqa’ r-rappreżentanti tal-GTA fid-Dar Ċentrali fejn preżentawlu l-proposti għall-budget.

Waqt il-laqgħa ssemma’ fost oħrajn il-bżonn li l-Gozo Channel ikollha vapur ġdid li jaqdi l-ħtiġijiet tal-Għawdxin u dawk kollha li jagħmlu użu minn dan il-mezz ta’ trasport… kif ukoll li jiġi żviluppat parkeġġ taħt l-art fir-Rabat – ilkoll proposti li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq dwarhom.

L-Assoċjazzjoni stqarret li tinsab imħassba minħabba l-iżvilupp eċċessiv u dak li ddeskrivietu bla pjan, li qed iseħħ proprju fil-gżira Għawdxija, fejn kompliet tgħid li dan il-bini kollu qiegħed jaffettwa b’mod mill-aktar negattiv il-karattru tal-gżira.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq dwar l-importanza li Għawdex nieħdu ħsiebu, li mhux biss ikun formalità għan-narrattiva tal-Gvern jew mezz mnejn iġib aktar voti, iżda gżira li tista’ tagħti l-kontribut tagħha lill-pajjiż anke b’mod ekonomiku.

Intant, il-GTA saħqet li hemm bżonn li jiġu inċentivati niċeċ turistiċi ġodda u pproponiet b’saħħa li l-Gvern ma jibqax jikkompeti mas-settur privat fl-ingaġġ tal-ħaddiema.

Bernard Grech saħaq li llum il-ġurnata kulħadd jaf il-Gżejjer Maltin x’għandhom bżonn u din mhija xejn ħlief rieda politika.

Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista, la darba jiġi fdat mill-poplu biex imexxi l-pajjiż, deċiż li jimxi bil-prijoritajiet favur Malta u Għawdex aħjar – fosthom li Għawdex ikun rikonoxxut bħala reġjun u permezz t’hekk b’kunsill reġjonali għall-gżira Għawdxija u Għawex tkun tista’ titmexxa aħjar.

Għal din il-laqgħa, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm preżenti x-Shadow Ministers Alex Borg, Rebekah Borg kif ukoll Jerome Caruana Cilia.