Is-sitwazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u Iżrael kompliet taqleb għall-agħar, bl-Organizzazzjoni tal-pajjiżi tagħmilha ċara li l-qawwiet tal-UNIFIL (tal-istess NU) se jibqgħu jaqdu d-doveri għaż-żamma tal-paċi fin-Nofsinar tal-Libanu.
Dan waqt li Iżrael kompla jinsisti biex n-NU toħroġ lil dawn it-truppi miz-zoni tal-Libanu indikati bħala fronti tal-gwerra ġodda bejn il-militar Iżraeljan u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-grupp Ħeżbollah.
Il-Kap tal-operat tan-NU għaż-żamma tal-paċi, Jean-Pierre Lacroix, qal li d-deċiżjoni biex l-UNIFIL jibqa’ jżomm il-pożizzjonijiet tiegħu fil-Libanu kellha l-appoġġ sħiħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u daqstant ieħor min-naħa tal-Istati-membri tal-Organizzazzjoni li jikkontribwixxu t-truppi għal din il-forza li ilha snin kbar taqdi rwol fl-artijiet Lebaniżi.
Ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, wissa lin-NU biex toħroġ it-truppi tal-UNIFIL mill-bażijiet tal-Libanu waqt li qal li l-bażijiet qed jipprovdu ‘tarka umana’ għat-terroristi tal-Ħeżbollah.
Madankollu, in-NU qed tidher determinata biex tisfida lil Netanyahu, bl-uffiċjali tal-qawwa għaż-żamma tal-paċi jinsistu li s-suldati – magħrufa bħala ‘tal-Elmu Blu’ – għandhom jibqgħu fejn qegħdin fil-Libanu. Dan waqt li huma jkomplu bil-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fejn, permezz tiegħu, qed jassistu lill-poplu ċivili ta’ dan il-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, Iżrael akkuża lin-NU b’li ma żammx lill-Ħeżbollah milli jibnu l-mini u jistazzjonaw il-missili viċin il-fruntiera tal-Libanu li tmiss mal-artijiet tal-Iżraeljani. Ingħad li dan qed isir b’abbuż tal-ftehim li kien temm l-aħħar gwerra f’dik iz-zona li seħħet 18-il sena ilu.
Fl-istess ħin, il-kelliema tan-NU sostnew li l-UNIFIL għandu l-missjoni biex jappoġġja lin-naħat involuti f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt u mhux li jinforza dak il-ftehim.
In-NU akkużat ukoll lil Iżrael b’li qed jattakka ‘dolożament’ lill-bażijiet tagħha fil-Libanu u fejn fl-aħħar jiem spiċċaw feruti diversi truppi għaż-żamma tal-paċi – b’Netanyahu jiċħad li pajjiżu qed imexxi l-istrateġiji aggressivi kontra l-UNIFIL.
Iżda waqt li Iżrael wiegħed biex jevita aktar inċidenti li jipperikolaw il-ħajja tas-suldati tal-UNIFIL, xorta waħda baqa’ jwissi lin-NU biex joħroġ dawn is-suldati miz-zoni Lebaniżi li, ‘il quddiem, kapaċi jkunu suġġetti għall-bumbardamenti.
//= $special ?>