Il-profitti fis-settur tal-catering naqsu, is-sostennibiltà tas-settur naqset, l-ispejjeż żdiedu b’mod esaġerat.
Kienu dawn il-punti li ħarġu minn studju li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, u li ġabar informazzjoni bbażata fuq l-ewwel nofs ta’ din is-sena 2024. Fejn jidher li s-settur tal-catering qed jitgħabba b’ħafna spejjeż, inkluż spejjeż relatati mal-iskema tal-BCRS u anke l-Iskills Pass.
Net News tkellem mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, Michelle Muscat, li spjegat li minkejja dawn kollha huma skemi li l-prinċipju tagħhom huwa tajjeb… qed jispiċċaw jgħabbu lir-ristoranti u s-sidien tagħhom.
Il-President tal-ACE tispjega wkoll li l-iskema tal-BCRS għandha tiġi diskussa b’mod estensiv, għaliex qed tħalli impatt negattiv fuq in-negozji.
Fl-istħarriġ li sar, ħareġ ukoll li naqsu n-negozjanti li qed juru rieda li jinvestu fl-istabbilimenti li diġà għandhom jew inkella f’dawk ġodda, bi 78.5% jgħidu li ma għandhomx il-ħsieb li jinvestu f’ristorant ġdid matul is-sena li ġejja.
Meta l-ewwel 6 xhur tas-sena 2024 kienu kkumparati mal-ewwel 6 xhur tas-sena 2023, jidher li l-profitti u anke d-dħul tal-istabbilimenti naqsu, bil-President tal-ACE tispjega li l-klijenti li jidħlu fl-istabbilimenti qed jonfqu inqas flus.
Ir-rapport preżentat mill-ACE wera l-ħafna diffikultajiet li qed jesperjenzaw l-istabbilimenti tal-ikel; fosthom anke li jattiraw impjegati jew iżommu l-ħaddiema tagħhom.
Dan filwaqt li – skont dak li qalet l-ACE – f’pajjiżna hawn numru kbir ta’ ristoranti u għalhekk il-kompetizzjoni hija vasta. Bl-informazzjoni pprovduta turi li hawn madwar 3,708 stabbiliment tal-ikel f’pajjiżna.
Intant, l-ACE ppreżentat numru ta’ proposti għall-Budget bil-għan li tgħin lin-negozji f’dan is-settur sabiex jiġi provdut servizz tal-aqwa kwalità.
//= $special ?>