F’Awwissu tal-2023 l-Isptar tal-Annimali f’Ta Qali kien ġarrab ħsarat li wasslu biex dan l-isptar ma jibqax jiffunzjona.
Iżda llum – aktar minn sena wara – dan l-isptar għadu magħluq. U fil-fatt il-Ministru Clifton Grima kkonferma li lanqas it-tender għal dan l-isptar għadu ma ħareġ, għaliex is-sejħa għadha se toħroġ fil-jiem li ġejjin.
B’hekk, dawk kollha li jkollhom bżonn ta’ għajnuna medika għall-annimali tagħhom s’issa għadhom bla għażla ħlief li jieħdu lill-annimali tagħhom fl-isptarijiet u l-kliniċi tal-privat li ma joffrux is-servizz kollu li kien joffri dan l-isptar li kien l-unika wieħed tat-tip tiegħu – fosthom servizz ta’ kura fit-tul għall-annimali.
Intant, fi stqarrija li ħarġet fis-26 ta’ April, kien imwiegħed li kellu jibda l-kors tal-veterinarji u li kellu jiġi offrut mis-sena skolastika l-ġdida.
Però, s’issa dan il-kors għadu ma bediex, bil-Ministru Clifton Grima jgħid biss li dan il-kors se jibda jiġi offrut mill-ġimgħat li ġejjin.
Il-Gvern kien stqarr li dan il-kors tal-veterinarji se jkun qed isir fl-istess binja… fl-Isptar ta’ Ta’ Qali… liema sptar għadu magħluq sal-lum.
//= $special ?>