Lokali

It-tender għall-isptar tal-annimali għadu ma ħariġx

Il-qattusa wara li ġiet salvata, qabel ittieħdet l-isptar tal-annimali

F’Awwissu tal-2023 l-Isptar tal-Annimali f’Ta Qali kien ġarrab ħsarat li wasslu biex dan l-isptar ma jibqax jiffunzjona.

Iżda illum – aktar minn sena wara – dan l-isptar għadu magħluq. U fil-fatt il-Ministru Clifton Grima ikkonferma li lanqas it-tender għal dan l-isptar għadu ma ħareġ. Għaliex is-sejħa għadha se toħroġ fil-jiem li ġejjin.

Biex b’hekk dawk kollha li jkollhom bżonn ta’ għajnuna medika għall-annimali tagħhom s’issa għadhom bla għażla ħlief li jieħdu lil annimali tagħhom fl-isptarijiet u l-kliniċi tal-privat li ma joffrux is-servizz kollu li kien jofri dan l-isptar li kien l-unika wieħed tat-tip tiegħu – fosthom servizz ta’ kura fit-tul għall-annimali.

Intant, fi stqarrija li ħarġet fis-26 ta’ April, kien imwiegħed li kellu jibda l-kors tal-veterinarji u li kellu jiġi offrut mis-sena skolastika l-ġdida.

Però s’issa dan il-kors għadu ma bediex. Bil-Ministru Clifton Grima jgħid biss li dan il-kors se jibda jiġi offrut mill-ġimgħat li ġejjin.

Il-Gvern kien stqarr li dan il-kors tal-veterinarji se jkun qed issir fl-istess binja… fl-Isptar ta’ Ta’ Qali…. liema sptar għadu magħluq sal-lum.