Il-PN jitlob laqgħa urġenti tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent biex jiddiskuti l-bidliet fil-Pjani Lokali
Il-Partit Nazzjonalista llum talab formalment li tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent biex jiddiskuti l-bidliet fil-Pjani Lokali wara li l-Kabinett tal-Ministri ddeċieda li għandu jinbidel il-Pjan Lokali għaz-zona tax-Xatt ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.
F’ittra mibgħuta liċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp Deo Debattista, ix-Shadow Ministers għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u x-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg – li huma ż-żewġ membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’dan il-Kumitat tal-Parlament – esprimew il-fehma tal-PN li kwalunwke tibdil proposti fil-Pjani Lokali għandu jkun wieħed li jħares tassew l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Fl-ittra tagħhom insistew li biex tkun żgurata l-kontabbiltà u t-trasparenza, il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar għandu jintalab jidher quddiem il-Kumitat tal-Kamra biex jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar dak li ġie deċiż mill-Kabinett.
Il-PN qed jissuġġerixxi li l-Kumitat jitlaqqa’ nhar il-Ħamis 17 jew il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jiżgura li l-proċessi tal-ippjanar ikunu trasparenti u ġusti, waqt li jħarsu l-interessi tal-ambjent u tal-pubbliku ġenerali.
//= $special ?>