Ian Felice Pace ta’ Starlites huwa l-BOV Plejer tas-Sena tal-Basketball għall-istaġun 2023/2024. Huwa kiseb ukoll l-unur fil-kategorija U23, filwaqt li Kristy Galea ta’ Depiro hija l-BOV Plejer tas-Sena tan-Nisa għall-istess staġun. Ir-rebbieħa kollha tal-BOV Basketball Plejers tas-Sena għall-istaġun 2023/2024 tħabbru waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-60 anniversarju tal-Malta Basketball Association (MBA) organizzata mill-MBA u l-Bank of Valletta.
Il-President tal-MBA Paul Sultana tkellem dwar il-kisbiet tal-Basketball Malti matul is-snin, fosthom l-ewwel midalja internazzjonali ta’ Malta fil-Logħob għall-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’San Marino fl-1985, l-ewwel Midalja tad-Deheb internazzjonali mit-Tim Nazzjonali Femminili fl-1985 fil-Kampjonat Ewropew FIBA Diviżjoni Ċ fl-2008, u l-ewwel unuri tal- Plejers tas-Sena ppreżentati fl-1972.
“L-Assoċjazzjoni ħadmet bis-sħiħ biex ittejjeb il-faċilitajiet tagħha mill-1972, meta l-Padiljun tal-Basketball kien mikri mill-gvern. Il-hanger l-antik tal-ajruplani nbidel f’padiljun modern tal-Basketball, u nbnew ukoll il-courts tat-taħriġ ta’ maġenbhom,” kompla Sultana. “Tabilħaqq ninsabu kburin ħafna naraw l-akbar numru ta’ timijiet li qed jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tagħna għal ħafna snin u l-interess li qed jiżdied f’dan l-isport b’attendenza sabiħa waqt il-logħob li toħloq atmosfera sabiħa għall-familja tal-basketball.”
Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank, enfasizza s-sħubija fit-tul bejn il-BOV u l-Assoċjazzjoni tal-Basketball ta’ Malta. “Is-sħubija tal-Bank mal-Assoċjazzjoni tal-Basketball ta’ Malta hija l-itwal relazzjoni ta’ appoġġ tal-BOV, u tmur lura għas-snin tmenin. Dan juri l-impenn fit-tul tal-BOV biex irawwem komunità aktar b’saħħitha permezz tal-isports,” huwa qal. “Aħna kburin li qegħdin hawn niċċelebraw atleti li wrew eċċellenza fl-oqsma tagħhom f’dan l-anniversarju importanti għaż-żewġ organizzazzjonijiet tagħna.”
Waqt l-attività li għaliha attendew is-Segretarju Ġenerali Dinji tal-FIBA Andreas Zagklis u Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-MBA onorat 8 individwi b’rikonoxximent għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom għall-Basketball Malti. Dawn kienu Andrea Paccarie, Angela Adamoli, Anna Calleja, Dorianne Galea, Edgar Caruana Montaldo, Josephine Diaby Grima, Michael Naudi u Santino Coppa.
Is-serata laħqet il-qofol tagħha fil-preżentazzjoni tal-BOV Plejers tas-Sena tal-Basketball għall-istaġun 2023/2024 kif ġej:
BOV l-Ewwel Diviżjoni Rġiel: Ian Felice Pace (Starlites)
MSV l-Ewwel Diviżjoni Nisa: Kristy Galea (Depiro)
BOV Kampjonat Amateur: Neil Cassar (Mosta);
St James U23 Irġiel: Ian Felice Pace (Starlites),
St James U23 Nisa: Michela Zammit Cordina (Starlites)
U19 Irġiel: Isaac Azzopardi (Luxol)
U19 Nisa: Anna Fenech Pace (Luxol)
U16 Subien: Mark Iloube (Luxol)
U16 Bniet: Shanice Farrugia (Luxol)
U14 Subien: Zac Said Hollier (Starlites)
U14 Bniet: Claire Portelli (Depiro)
//= $special ?>