Lokali Parlament

L-attakki fuq il-pulizija qed iseħħu minħabba kultura ta’ impunità u nuqqas ta’ infurzar


Albert Buttigieg, PN


Ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg sostna fil-Parlament li l-attakki fuq il-pulizija qed iseħħu minħabba kultura ta’ impunità u nuqqas ta’ infurzar.

Albert Buttigieg qal li l-pulizija għandhom ikunu mħarsa u li l-aggressività qatt m’għandha tkun tollerata. Hu qal li l-pieni għandhom jiżdiedu fuq min jaggredixxi lill-pulizija u li l-aggressjoni riċenti fuq il-pulizija hi sintomu ta’ xi ħaġa iktar profonda.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun stabbilit x’qed iwassal għal din is-sitwazzjoni fil-pajjiż u sostna li l-messaġġ m’għandu qatt ikun li l-aggressività hi t-triq ‘il quddiem.

Il-verità hi li l-pajjiż qed jitlef il-valuri ta’ pajjiż demokratiku, sostna Albert Buttigieg, li kompla li daħlet il-kultura ta’ min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid għax hekk irid, tal-impunità, ta’ nuqqas ta’ infurzar fejn kollox jgħaddi u ta’ nuqqas ta’ rispett lejn l-awtorità.

Il-Gvern Laburista ħeġġeġ dawn il-kulturi fil-pajjiż fl-aħħar 11-il sena tant li hawn biża’ kbir fil-pajjiż biex il-liġijiet jkunu infurzati mill-awtoritajiet.

Hu qal li l-kultura ta’ impunità wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u kompla li s’issa għadha ma saritx ġustizzja. Id-deputat ikkritika wkoll in-nuqqas ta’ investigazzjonijiet mill-pulizija fuq każi kbar.